Grupp Missjunarju

Grazzi mill-Qalb

Il-Grupp Missjunarju Parrokkjali, flimkien mal-Patrijiet Dumnikani Maltin f’Durres u n-nies ta’ Lagjja Mirdita jixtiequ jirringrazzjaw lill-Komunita` Parrokkjali tal-Iklin għall-ġenerożita`kbira li wrew fil-ġbir ta’ fondi b’risq il-proġett Sponsor a Worker. B’kollox s’issa nġabret is-somma ta’ €4423. B’hekk se nkunu nistgħu inħallsu kważi sena u disgħa xhur mis-salarju ta’ kindergarten assistant. L-ittra li Fr. Geoffrey Bugeja bagħat lill-kappillan bħala ringrazzjament tista’ issibha hawn taħt.

[wpdm_file id=11]

 

Ġemellaġġ mal-Parroċċa ta’ Durres

Ġemellaġġ: Il-Parroċċa tal-Iklin flimkien mal-Parroċċa ta’ Durres fl-Albanija

Il-parroċċa tagħna tal-Iklin qed tagħmel ġemellaġġ mal-parroċċa tad-Dumnikani ġewwa Durres fl-Albanija. Din il-parroċċa hi pjuttost kbira u għandha diversi kappelli mxerrda mal-periferija fejn joqogħdu ħafna familji foqra. Tliet patrijiet Dumnikani Maltin imexxu din il-parroċċa u ilhom jaħdmu fiċ-ċentru u fil-periferija tal-belt ta’ Durres mis-sena 1999.

 

Il-ġemellaġġ bejn iż-żewġ parroċċi

L-ideja ta’ ġemellaġġ ħarġet mingħand il-Kappillan Dun Keith Bonnici wara li żewġ familji mill-Iklin, flimkien ma’ koppja oħra, marru jagħmlu xogħol volontarju fil-parroċċa ta’ Durres fis-Sajf 2013.L-ideja ma kinitx biss li aħna nibagħtu għajnuna finanzjara biss f’Durres, iżda li nitolbu wkoll flimkien u għal xulxin u ngħinu lil xulxin b’kull mod. Fil-fatt, bi tħejjija għall-festa titulari tal-Familja Mqaddsa f’Jannar 2014, ser issir laqgħa ta’ talb flimkien mal-patrijiet Dumnikani permezz ta’ Skype.

Albania

 

Iż-żjara ta’ Fr Geoffrey Bugeja OP fil-paroċċa tal-Iklin

F’Novembru 2013, Fr. Geoffrey Bugeja OP, li hu wieħed mill-patrijiet li jaħdmu f’Durres żar il-parroċċa tagħna diversi drabi. Meta ġie fil-parroċċa tagħna, hu ltaqa’ sew ma’ adulti  kif ukoll mat-tfal tad-duttrina. Hu tkellem dwar ix-xogħol tiegħu, kif ukoll dwar il-proġett li d-Dumnikani Maltin għandhom f’Laġjja Mirdita fil-periferija ta’ Durres. Hemm jgħixu ħafna familji foqra u hemm ukoll kappella li kienet inbniet bl-għajnuna ta’ xi Maltin.

Albania
Dan il-proġett jikkonsisti f’ċentru li jkun jaqdi mhux biss il-ħtiġijiet spiritwali, bħalma hija l-katekeżi, iżda wkoll il-ħtiġijiet materjali bħal edukazzjoni u saħħa.  Fil-fatt, minbarra swali fejn issir il-katekeżi, ser jitwaqqaf kindergarten,  post fejn tista’ ssir is-summer school, kif ukoll post fejn jistgħu jiġu offruti servizzi mediċi minn xi voluntiera.

Il-bini ta’ dan iċ-ċentru miexi ġmielu. Ovvjament, meta jitlesta, ikun hemm bżonn il-ħaddiema li jaħdmu u jmexxu dan iċ-ċentru.

 

L-iskema Sponsor a Worker

Il-parroċċa tal-Iklin bi ħsiebha toffri għajnuna billi tħallas il-paga ta’ sena għal kindergarten assistant. Din il-persuna, li diġà ġiet identifikata u hi kkwalifikata, għandha erbat itfal li trid tmantnihom weħidha. B’dan l-impjieg inkunu qed nirrispettaw id-dinjita` tagħha u mhux nagħtuha karità. Inkunu ngħinu mhux biss lilha u lil uliedha, iżda fl-istess ħin inkunu qed noffru servizz għal sena sħiħa. Il-paga tagħha hi ta’ €2600 fis-sena, li hi paga diċenti għal dan il-pajjiż.  Biex niġbru din is-somma l-parroċċa tagħna qed tieħu sehem fl-iskema Sponsor a Worker. Min jixtieq jgħin jista’ joffri li jħallas parti mill-paga ta’ din il-kindergarten assistant.

Tista’ toffri kwalunkwe ammont – għax kull qatra tgħodd. Bi ftit ċenteżmi ta’ wħud u  bi ftit euro ta’ oħrajn, flimkien inkunu nistgħu nħallsu din is-sena paga. It-tfal tad-duttrina kienu mħeġġa joffru 1 euro mill-pocketmoney tagħhom biex jgħinu f’din l-inizzjattiva u ġabru €189.43ċ.

Għalhekk nistednukom biex tilqgħu l-appell tagħna u għal żmien il-festa tingħaqdu l-ewwelnett fil-laqgħa ta’ talb li ser issir nhar it-Tlieta 21 ta’ Jannar fis-sala tal-parroċċa fis-6.45pm. It-tieni nistednukom biex flimkien magħna tidħlu fl-iskema Sponsor a Worker.

Il-Parroċċa tal-Iklin, flimkien mal-patrijiet Dumnikani u l-poplu ta’ Laġjja Mirdita, jirringrazzjawkom u jitolbu għalikom.

 

Min jixtieq imur jagħmel esperjenza missjunarja mal-Patrijiet Dumnikani Maltin fl-Albanija, għandu jibgħat email lil Guido Mamo.

Uffiċċju Parrokkjali Pjazza Ninu Cremona Iklin IKL 1302

Ko-ordinatur:
Guido Mamo
Mob: 79604705
Email: [email protected]
Dettalji Bankarji:
Iklin Parish – Account Albanija
APS Bank Ltd
APS Centre, Tower Street B’Kara BKR 4012 Malta
Swift Code: APSB MT MT
Account Number: 2000170161-9
IBAN: MT87APSB77046006493920001701619

 

[youtubegallery cols=1 thumbwidth=200]


[/youtubegallery]