Parroċċa żgħira b’qalb kbira

Xi erbgħin sena ilu, l-Iklin kien jikkonsisti f’ħafna raba’ u għelieqi u ftit djar. Illum huwa parroċċa pjuttost żagħżugħa b’madwar 3,200 ruħ. Ilu parroċċa biss mit-19 ta’ Marzu 2005. Mhux parroċċa tradizzjonali b’xi knisja antika ġojjell tal-arkitettura, bil-każini tal-banda, tal-partiti politiċi u l-bqija. La festa esterna ma għandna u lanqas vara titulari.

Hawn ħafna familji li ġew joqogħdu hawn bejn 25 u 35 sena ilu meta kienu għadhom koppji żgħar u issa wliedhom jew iżżewġu jew waslu għaż-żwieġ. Hawn numru konsiderevoli ta’ żgħażagħ u hawn ukoll numru sostanzjali ta’ nies ta’ madwar il-50 sena imma inqas minn 60. 

Il-knisja tagħna hija moderna, mgħammra bl-air condition u tesa’ mat-350 ruħ. L-ideja oriġinali kienet li dik li llum hi l-knisja tintuża bħala Sala Parrokkjali u fuqha mbagħad tinbena Knisja; imma spiċċawlna l-flus u ma għamilna xejn minn dan. 

Għal ħafna snin qabel ma nbnew il-Knisja u ċ-Ċentru Pastorali tal-lum, in-nies tal-Iklin kienu jisimgħu l-quddies ġo garaxx u kienu jikru x’imkien biex jgħallmu d-duttrina lit-tfal. Issa, bit-tħabrik ta’ diversi nies, għandna Ċentru Pastorali sempliċi imma spazjuż li jintuża għal diversi laqgħat pastorali oħra. 

Meta l-Iklin saret Żona Pastorali Awtonoma, għaxar snin ilu,  kien meħtieġ li jkun deċiż patrun titular. Billi ż-żona kienet qed timtela b’familji ġodda żgħażagħ li għażlu li jissetiljaw hawnhekk, intgħażlet il-Familja Mqaddsa, biex tkun ta’ eżempju għall-familji tal-lokal. 

Dan l-aħħar il-parroċċa nqasmet f’erba’ żoni skont ix-xewqa tal-Arċisqof Pawl Cremona. Il-ħsieb hu li kull żona jkollha Grupp tal-Evanġelizzazzjoni tagħha. Il-membri ta’ dawn il-Gruppi żgħar jiltaqgħu darba f’ġimgħa biex jirriflettu dwar il-Vanġelu tal-Ħadd ta’ qabel u jippjanaw xi attivita’ jew inizjattiva pastorali fiż-żona tagħhom. S’issa waqqafna tlett Gruppi tal-Evanġelizzazzjoni u qed nisperaw u nitolbu li fl-2014 inwaqqfu r-raba’ wieħed. 

B’hekk nitolbu li tkompli tinbena parroċċa żgħira b’qalb kbira: komunita’ Nisranija ħajja u attiva, komunita’ mżejna b’ ħafna persuni li lesti jagħtu mill-ħin tagħhom għal Alla u għal ħaddieħor.