Istruzzjonijiet għall-Ġenituri

Sena Kateketika 2017/8
Istruzzjonijiet lill-Ġenituri

Il-komunità parrokkjali flimkien mal-katekisti nilqgħu lit-tfal tagħkom għal sena oħra ta’ tagħlim tal-katekiżmu, li twassalhom sabiex iħossuhom aktar parti mill-parroċċa fil-ħajja Nisranija u tħejjihom biex jirċievu s-Sagramenti.
Aħna ser nagħmlu ħilietna biex it-tfal li jiġu għandna jħossuhom milqugħin. Biex nirnexxu f’dan, għandna bżonn il-kollaborazzjoni tal-ġenituri. Għalhekk intom mitlubin issegwu dawn l-istruzzjonijiet:
• Il-ġranet tal-katekiżmu huma t-Tnejn u l-Ħamis mill-4.30 p.m. sal-5.15pm għat-tfal mill-Ewwel sena sas-Sitt sena. Dawk tal-Preparatorja (Year One tal-Iskola) ikollhom it-Tnejn biss fl-istess ħin.

• Għat-tfal kollha trid timtela l-formola tad-dħul kull sena. Dawk it-tfal ġodda li ma tgħammdux fil-parroċċa tal-Iklin jeħtieġ li jippreżentaw kopja taċ-Ċertifikat tal-Magħmudija (mingħand il-Kappillan tal-parroċċa fejn tgħammdu). Tfal ġodda li ma joqogħdux l-Iklin għandhom jippreżentaw permess mingħand il-Kappillan tal-parroċċa fejn joqogħdu biex jiġu għall-katekiżmu hawnhekk. Għall-klassijiet 2, 3,4,5 u 6 jekk jiġu xi tfal ġodda minn parroċċi oħra dawn għandhom iġibu magħhom ittra rigward l-attendenza mill-MUSEUM jew ċentru tal-Katekiżmu fejn kienu jattendu.

• Fil-ġranet li fihom l-Iskejjel tal-Istat ma jkollhomx skola, fil-parroċċa ma jkunx hawn Katekiżmu għat-Tfal. Id-dati kollha u l-attivitajiet speċjali huma mniżżla fil-kalendarju li joħroġ fil-bidu tas-sena kateketika.

• Sabiex it-tfal jirċievu s-Sagramenti tal-Ewwel Tqarbina u tal-Griżma tal-Isqof u jitilgħu minn klassi għall-oħra, l-attendenza ma tridx tkun anqas minn 75% u jridu jkunu ġabu marka sodisfaċenti fl-assesment li jsirilhom. Dan jgħodd ukoll għall-klassijiet 2,3,4,5 biex jitilgħu minn sena għall-oħra. Dawk li jkunu ser jagħmlu l-Griżma jkollhom żewġ assesments: f’nofs is-sena u fl-aħħar tas-sena tal-katekiżmu.

• It-tfal ma għandhomx ifallu l-Katekiżmu għat-Tfal minħabba f’xi attivitajiet oħra għaliex din ma tkunx raġuni valida.

• Importanti li t-tfal ma jiġux tard għal-lezzjonijiet għax jitilfu huma u jtellfu lill-oħrajn.

• F’każ li t-tifel jew tifla tiegħek ma jkunux jistgħu jiġu għal-Katekiżmu għat-Tfal għax ikunu morda, u ma marrux skola, jekk ikollok ċertifikat tat-tabib għall-iskola, jekk jogħġbok, agħti kopja tiegħu lill-katekist/a. F’każ ta’ mard għal ġurnata waħda biss, għandek tibgħat nota lill-katekist/a ffirmata minnek. F’dawk il-granet fejn ikollhom ċertifikat minngħand tabib, jew karta minngħand il-ġenituri it-tfal jiġu mniżżla bħala morda, jiġifieri qishom ġew.

• F’każ ta’ xi problema l-ġenituri huma mitluba li javviċinaw lill-Kappillan (mobile 79972444). Mill-banda l-oħra l-katekisti huma fid-dmir li jinfurmaw lill-kappillan b’xi irregolaritajiet fl-attendenza, imġiba ħażina jew xi problemi li jistgħu jinqalgħu.
• It-tfal jistgħu jiġu sa kwarta qabel il-ħin (mhux aktar) sabiex jilagħbu ftit fil-bitħa. Waqt il-ħin tal-logħob, ikun hemm Katekisti (inklużi first aider/s) jieħdu ħsieb it-tfal. Il-Ġenituri għandhom iħallu t-tfal mal-Katekisti u jitilqu. Kif jispiċċaw mill-katekiżmu, importanti li tkunu tistennewhom u f’każi RARI, jekk taħsbu li tkunu ser tiġu xi ftit tard tinfurmaw lill-katekist/a. Il-parroċċa normalment ma tieħux responsabiltà ta’ tfal wara dan il-ħin. F’każ ta’ diffukultà urġenti wieħed għandu jikkuntattja l-Uffiċċju Parrokkjali fuq 21423003 jew lill-Kappillan personali fuq 79972444.

• It-tfal huma mistiedna jisselfu kotba mil-librerija ta’ kotba reliġjużi bi ftehim mal-Librara, Ms Sue Camilleri Woodhouse, li tieħu pjaċir tirċievi kotba reliġjużi f’kundizzjoni tajba, għal-Librerija tat-tfal.

• Iċ-Ċentru tal-Katekiżmu għat-Tfal huwa mgħammar b’apparat awdjoviżiv fil-klassijiet kollha. Huwa importanti li ħadd ma jagħmel ħsara lil dan l-apparat.

• Sabiex it-tfal iħossuhom parti mill-ħajja tal-parroċċa, tkun ħaġa sabiħa li ġġibuhom għall-quddies tal-Ħadd tal-11.15 a.m. li jkollha l-Liturġija tal-Kelma speċjali għat-tfal. Tajjeb ukoll li tfal subien jiġu mħajra biex jidħlu abbatini.

• Qabel jidħlu għall-katekiżmu, it-tfal tajjeb li jiġu mħajra jitolbu quddiem Ġesù Sagramentat.

• Ġenituri ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali ta’ tagħlim għandhom iġibu magħhom kopja tar-rapporti mis-CDAU u speċjalisti oħra. Imbagħad issir laqgħa mall-Inclusion Advisor tal-Katekiżmu għat-Tfal u jitħejja pjan biex jiġi segwit matul is-sena. Dan il-pjan jiġi rivedut skont il-ħtieġa.

• Il-Ġenituri huma mistiedna li jiġu għall-Eżerċizzi għall-ġenituri waqt ir-Randan. Dawn isiru fil-ħin tal-Katekiżmu għat-Tfal.

• Ġenituri (ommijiet u missirijiet) li ma jattendux għal-laqgħat li jsirulhom u li/jew li ma jarawx li wliedhom jattendu regolarment għall-Katekiżmu fis-snin kollha, ikunu qed jagħmluhielna diffiċli ħafna li nressqu lit-tfal għas-sagramenti.

• Il-Programm tat-tagħlim Nisrani filwaqt li jsegwi l-programm tas-sena skolastika tal-iskola tal-Gvern, jibda t-Tnejn ta’ wara li tibda l-iskola u jispiċċa fil-bidu ta’ Ġunju, b’waqfa għall-vaganzi tal-Milied u tal-Għid u festi pubbliċi li jaqgħu t-Tnejn u l-Ħamis.

• Kulħadd, għandu jġib rispett lil dan il-post reliġjuż bi kliem xieraq u lbies diċenti, anki fix-xhur sħan tas-sajf. Ghalhekk: Mhux permess li wieħed jidħol iċ-ċentru b’ilbies mhux addatat. It-tfal m’għandhomx jattendu b’xi lbies skullat jew qasir, jew ilbies ieħor li ma jixraqx lill-post. Dan għaliex il-lezzjoni hija laqgħa ma’ Ġesù.

• Mhux permess l-użu waqt il-lezzjoni ta’ Mobile, MP3 players, i-pads u kull ħaġa li tista’ tellef mill-attenzjoni tat-tfal. Iċ-ċentru mhux responsabli għal xi ħsarat jew telf ta’ affarijiet li tfal iġibu magħhom.

4 ta’ Settembru 2017