Katekiżmu għat-Tfal

It-Tielet Sena

Nikbru Flimkien - It-Tielet Sena ta’ Katekeżi

F’dan il-programm it-tfal ser jesperjenzaw il-fatt li l-ħajja flimkien tgħinna biex inkunu nistgħu tassew nikbru flimkien u naslu fid-direzzjoni mixtieqa aktar malajr.

Qed ngħinu lit-tfal biex jikbru flimkien fil-komunità ta’ dawk li jemmnu fi Kristu u b’hekk inkunu qed ngħinu lil xulxin biex nikbru flimkien.

Il-programm jikkonsisti f’ħames sezzjonijiet. Fl-ewwel kapitlu: ‘Niskopru l-knisja’ Ġesu` jwegħedna li ħa jibqa’ dejjem magħna. Aħna niltaqgħu miegħu bħala l-ħbieb tiegħu meta ningħaqdu bħala komunita` fil-knisja li waqqaf Hu. ‘Niskopru l-Ewkaristija’ huwa l-isem tat-tieni parti tal-ktieb fejn it-tfal jifhmu xi ftit kemm l-Ewkaristija hija importanti fil-ħajja ta’ kuljum u jeħtieġ li nieħdu sehem attiv. F’ ‘Ġesu` jgħallem lid-dixxipli’ niltaqgħu ma’ Ġesu` jagħżel it-tnax-il appostlu biex ikomplu xogħlu wara li jitla’ fis-sema. Fir-raba’ unita`: ‘Kif nimxu wara Ġesu`’ nitkellmu b’mod prattiku fuq għażliet fil-ħajja ta’ kuljum fejn fihom nidher inhix ta’ Ġesu` jew le. Finalment, il-parteċipanti jibdew jindunaw li kull bniedem bil-mod il-mod jibni f’ħajtu ‘Relazzjonijiet’ differenti. Fuq kollox ser isiru konxji li anke jien jista’ jkolli relazzjoni ma’ Ġesu`.

Ktieb Sena 3

Din l-esperjenza tat-tielet sena ta’ katekeżi qed tiġi esegwita permezz ta’ ħafna attivitajiet li jinvolvu teknoloġija, logħob, attivitajiet fi gruppi, kwiżż u ħafna aktar. Żgur li huwa ta’ gost u benefiċċju fl-iżvilupp spiritwali ta’ dawn it-tfal fejn bil-mod il-mod Ġesu` jsir l-akbar ħabib tagħhom.

Katekisti: Ms Christina Malli u Ms Salvina Abdilla