Magħmudija

Il-Magħmudija hija mument importanti ħafna fil-ħajja tal-bniedem u fil-ħajja tal-familja tiegħu. Fil-Magħmudija t-tarbija ssir iben jew bint Alla. Ngħammdu t-trabi tagħna għax nixtiequ li minn meta għadhom żgħar ikollhom b’sehem il-wirt li Alla għandu għal uliedu; ngħammduhom żgħar biex sa minn ċkejknin jitilgħu f’ambjent nisrani. Għalhekk, mal-għażla tal-Magħmudija ta’ l-ulied hi meħtieġa rieda sinċiera ta’ trobbija tassew nisranija.

 

Ngħammdu t-Tarbija Tagħna

Meta titwieled tarbija, l-ewwelnett għandha tiġi mniżżla fir-reġistru pubbliku (l-Insinwa). Jekk il-ġenituri jiddeċiedu li jgħammdu t-tarbija tagħhom, jiġu l-Uffiċċju Parrokkjali u magħhom iġibu ċertifikat il-kbir (A3), tat-twelid tat-tarbija mill-Insinwa. Dan huwa essenzjali biex meta nirreġistraw il-Magħmudija tat-tarbija, id-dettalji jkunu l-istess.

 

Permessi

Barra minn hekk, jekk il-ġenituri tat-tarbija jkunu joqogħdu f’Parroċċa oħra u jixtiequ jgħammdu l-Iklin, iridu jġibu l-permess bil-miktub tal-Kappillan tal-parroċċa fejn joqogħdu. Dan għaliex, il-prattika tal-knisja hi, li l-Magħmudija ssir fil-parroċċa fejn joqogħdu l-ġenituri però ebda kappillan ma jsib diffikultà li jagħti l-permess meħtieġ.

Dawk il-ġenituri li joqogħdu l-Iklin u jixtiequ jgħammdu t-tarbija tagħhom barra mill-parroċċa, għandhom l-ewwel jinfurmaw lill-Kappillan tal-parroċċa fejn jixtiequ jgħammdu, imbagħad jiġu fl-Uffiċċju Parrokkjali tagħna biex jiksbu l-permess ħalli jgħammdu barra mill-parroċċa.

 

Preparazzjoni

Il-Knisja titlob li ssir tħejjija tal-ġenituri u l-parrini sabiex dawn jifhmu aħjar il-privileġġ kbir li għandhom u d-doveri tagħhom li jrabbu lit-tarbija fil-fidi nisranija. Meta tiġu biex tirreġistraw it-tarbija fl-uffiċċju parrokkjali, jew biex tgħammdu t-tarbija tagħkom f’parroċċa oħra, isir ftehim mall-Kappillan dwar fejn għandhom isiru il-laqgħat ta’ preparazzjoni jew inkella fil-parroċċa tagħna.

 

Xi ħaġa dwar il-parrini

Il-parrini jridu jkunu raġel u mara, iżda jista’ jkun hemm parrinu biss jew parrina biss. Il-parrini jridu jkunu għalqu s-sittax-il sena, membri tal-Knisja Kattolika u jaċċettaw it-twemmin kollu kattoliku, ma jittraskurawx it-tagħlim nisrani u jirċievu spiss is-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin, jafu li d-dmir tagħhom huwa li jgħinu lill-ġenituri biex irabbu lil uliedhom skond il-fidi tal-Knisja u jgħinu lil min jirċievi l-Magħmudija jikber fil-fidi, iħares il-Kmandamenti u jħobb il-proxxmu kif għallimna Ġesù.

Il-parrini jridu jmorru għand il-Kappillan ta’ fejn joqogħdu u jiffirmaw dikjarazzjoni quddiemu. Għalhekk ma jistgħux jibgħatu lil xi ħaddieħor minflokhom, iżda jridu jmorru huma stess. Din id-dikjarazzjoni, imbagħad, il-ġenituri jgħadduha lill-Kappillan qabel ma ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija. Dawk li, għal xi raġuni jew oħra, ma jkunux qed jgħixu f’sitwazzjoni regulari, ma jistgħux jagħmluha ta’ parrini.

 

Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Magħmudija

Il-Magħmudija tiġi ċċelebrata kull l-aħħar Ħadd tax-xahar waqt quddiesa bil-Magħmudijiet fl-4.30 p.m.

F’ċerti każi tista’ ssir f’data oħra miftiehma mal-Kappillan.

It-tarbija titlibbes l-abjad biex turi l-ħajja ġdida li se tirċievi. Il-libsa l-bajda u x-xemgħa, li waqt iċ-ċelebrazzjoni tinxtegħel mill-missier mill-Blandun, għandhom jinżammu b’tifkira għażiża tal-Magħmudija.

Mhux ta’ min inħallu l-Qrar għall-aħħar. Ikun aħjar jekk nieħdu ħsieb inqerru qabel.

 

Ritratti u Videos

Waqt il-Quddiesa jistgħu jittieħdu ritratti jew video.