Noti Storiċi

Il-Mixja tal-Komunita` Nisranija tal-Iklin

Fil-bidu tas-snin 80 beda jiżdied in-numru ta’ familji jgħixu fl-inħawi tal-Iklin. Għalhekk il-Kappillan ta’ Ħal Lija, Dun (illum Mons.) Alfred Xuereb, ħaseb biex jibda jipprovdi servizzi pastorali lil din iż-żona tal-Parroċċa. Għal dan il-għan huwa fetaħ Ċentru tad-Duttrina għat-tfal fi Triq Stefano Erardi. Aktar tard inkera garaxx fi Triq Lewis F. Mizzi biex ikun iċċelebrat il-quddies. It-tagħlim tad-duttrina għat-tfal ġie trasferit ukoll għal flett fl-istess triq biex hekk il-ħajja pastorali tal-komunita` setgħet tiġi organizzata aħjar.

Fit-23 ta’ Lulju 1993, bit-tħabrik tal-Kappillan Dun Nazzaren Caruana, ġie inawgurat Ċentru Pastorali fi Triq Guzeppi Calleja. Dan kien imbierek mill-Vigarju Ġenerali Mons. Annetto Depasquale. Dan seħħ grazzi għall-ġenerożita` ta’ benefattur li rregala garaxx li nbidel f’kappella. Bl-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-Ċentru Pastorali proviżorju l-ħidma pastorali ta’ din il-komunita` żdiedet tant li fis-6 ta’ Ġunju 1994 twaqqaf l-ewwel Kunsill Pastorali Iklin. Sadanittant, matul dawn is-snin, minbarra l-Kappillan, is-saċerdoti Dun Mose` Borg, Dun (illum Mons.) Ġuzepp Fenech u Dun (illum Isqof) Charles J. Scicluna għenu fil-ħidma pastorali fl-Iklin.

Fil-15 ta’ Awwissu 1995 il-Kanonku Karm Aquilina inħatar mill-Arċisqof Guzeppi Mercieca bħala responsabbli mill-pastorali taż-żona tal-Iklin, bil-mandat li jibni Ċentru Pastorali ġdid.

Fis-16 ta’ Ġunju 2000 sar it-Tberik u t-Tqegħid tal-ewwel ġebla ta’ dan iċ-Ċentru ġdid mill-Arċisqof Mons. Guzeppi Mercieca. Fid-19 ta’ Marzu 2002 l-istess Arċisqof fetaħ uffiċjalment dan iċ-Ċentru li jikkonsisti fi knisja mdaqqsa, kmamar għat-tagħlim tad-duttrina, sala għal laqgħat ta’ kull xorta, ċentru għaż-żgħażagħ u l-uffiċċju parrokkjali.

Fil-15 ta’ Frar 2003 l-Iklin ġie ddikjarat Żona Pastorali Awtonoma bil-fakultajiet u l-obbligi kollha ta’ Parroċċa. Dakinhar il-Kanonku Karm Aquilina ħa l-pussess bħala Rettur taż-Żona, bl-obbligi kollha ta’ Kappillan.

Fid-19 ta’ Marzu 2005 l-Iklin ġie ddikjarat Parroċċa taħt it-titlu tal-Familja Mqaddsa u l-Kanonku Karm Aquilina nħatar l-ewwel Kappillan tal-komunita` tal-Iklin.