Noti Storiċi

Noti Storiċi

L-istorja tal-Parroċċa tal-Familja Mqaddsa fl-Iklin tmur lura għall-bidu tas-snin 80 meta beda jiżdied in-numru ta’ familji li jgħixu fl-inħawi tal-Iklin.

Għalhekk il-Kappillan ta’ Ħal Lija, Dun (illum Mons.) Alfred Xuereb, ħaseb biex jibda jipprovdi servizzi pastorali lil din iż-żona tal-Parroċċa. Għal dan il-għan huwa fetaħ Ċentru tal-Katekiżmu għat-tfal fi Triq Stefano Erardi. Aktar tard inkera garaxx fi Triq Lewis F. Mizzi biex ikun iċċelebrat il-quddies. It-tagħlim tad-duttrina għat-tfal ġie trasferit ukoll għal flett fl-istess triq biex hekk il-ħajja pastorali tal-komunita` setgħet tiġi organizzata aħjar.

Fit-23 ta’ Lulju 1993, bit-tħabrik tal-Kappillan Dun Nazzaren Caruana, ġie inawgurat Ċentru Pastorali fi Triq Guzeppi Calleja. Dan kien imbierek mill-Vigarju Ġenerali Mons. Annetto Depasquale. Dan seħħ grazzi għall-ġenerożita` ta’ benefattur li rregala garaxx li nbidel f’kappella. Bl-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-Ċentru Pastorali proviżorju l-ħidma pastorali ta’ din il-komunita` żdiedet tant li fis-6 ta’ Ġunju 1994 twaqqaf l-ewwel Kunsill Pastorali fl-Iklin.

Sadanittant, matul dawn is-snin, minbarra l-Kappillan, is-saċerdoti Dun Mose` Borg, Dun (illum Mons.) Ġuzepp Fenech u Dun (illum Arċisqof) Charles J. Scicluna għenu fil-ħidma pastorali fl-Iklin.

Fil-15 ta’ Awwissu 1995 il-Kanonku Karm Aquilina inħatar mill-Arċisqof Guzeppi Mercieca bħala responsabbli mill-pastorali taż-żona tal-Iklin, bil-mandat li jibni Ċentru Pastorali ġdid.

Fis-16 ta’ Ġunju 2000 sar it-Tberik u t-Tqegħid tal-ewwel ġebla ta’ dan iċ-Ċentru ġdid mill-Arċisqof Mons. Guzeppi Mercieca. Fid-19 ta’ Marzu 2002 l-istess Arċisqof fetaħ uffiċjalment dan iċ-Ċentru li jikkonsisti fi knisja mdaqqsa, kmamar u sala għat-tagħlim tad-duttrina u għal laqgħat ta’ kull xorta, ċentru għaż-żgħażagħ u l-uffiċċju parrokkjali.

Fil-15 ta’ Frar 2003 l-Iklin ġie ddikjarat Żona Pastorali Awtonoma bil-fakultajiet u l-obbligi kollha ta’ Parroċċa. Dakinhar il-Kanonku Karm Aquilina ħa l-pussess bħala Rettur taż-Żona, bl-obbligi kollha ta’ Kappillan.

Fid-19 ta’ Marzu 2005 l-Iklin ġie ddikjarat Parroċċa taħt it-titlu tal-Familja Mqaddsa u l-Kanonku Karm Aquilina nħatar l-ewwel Kappillan tal-komunita` tal-Iklin.

Bejn il-15 u l-20 ta’ Frar 2009, L-E.T. Monsinjur Pawl Cremona OP, Arċisqof ta’ Malta, wettaq l-ewwel Żjara Pastorali fil-Parroċċa tal-Iklin.

Fis-26 ta’ Settembru 2010 tħabbret in-nomina ta’ Dun Keith Bonnici bħala t-tieni Kappillan tal-Parroċċa tal-Iklin. Dun Keith beda’ s-servizz pastorali tiegħu f’din il-parroċċa f’ Jannar 2011 waqt quddiesa mmexxijja mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Pawl Cremona OP.

Il-Knisja tal-Iklin

Il-Knisja tal-Iklin kienet maħsuba biex tkun is-sala ta’ taħt knisja oħra li kien hemm il-ħolma li tinbena fuqha.

Wara li ġew studjati r-rakkomandazzjonijiet tal- Arċisqof Emeritu Monsinjur Pawl Cremona OP, fil-Vista Pastorali tiegħu fl-2009, id-diżinn oriġinali tal-Perit Jojo Delia ġie adattat mill-artist Għawdxi Manuel Farrugia u l-Perit Kurt Meilak.

Hekk il-presbiterju ġie mkabbar, infetaħ bieb t’aċċess għaċ-Ċentru Pastorali u s-Sagristija, tħejjiet Kappella tal-Magħmudija, u ġiet trasferita u msebbħa l-Kappella tas-SS.mu Sagrament. Ingħalaq ukoll il-Konfessjonarju biex issa nħolqot kamra ta’ rikonċiljazzjoni fil-Knisja. Saret ukoll kamra għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni fejn qabel kien hemm is-Sagristija.

It-titular tal-Kavallier Pawlu Camilleri Cauchi juri lil din il-Familja ta’ Nazaret, mudell għall-familji tagħna.

Il-battisteru ġie diżenjat minn Manuel Farrugia tar-Rabat, Għawdex. Ix-xogħol tal-irħam huwa ta’ Raymond Bonello mix-Xagħra, Għawdex u dak tal-mużajk ta’ Maria Portelli minn Nadur t’ Għawdex.

Il-Kappella tas-Ss.Mu Sagrament ġiet diżenjata minn Manuel Farrugia tar-Rabat, Għawdex. Ix-xogħol tal-irħam huwa ta’ Raymond Bonello u dak tal-mużajk ta’ Maria Portelli.

Il-Konsagrazzjoni tal-Knisja

Nhar is-6 ta’ Mejju 2017, Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna kkonsagra l-Knisja tal-Iklin.

Monsinjur Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta, bħala saċerdot żagħżugħ kien wieħed mill-ewwel saċerdoti li qdew il-komunita’ tal-Iklin. Ikkonsagra l-Artal Maġġur u l-Knisja Parrokkjali tal-Iklin ddedikata lill-Familja Mqaddsa.

Dakinhar, kif daħal Monsinjur Arċisqof mill-bieb prinċipali tal-Knisja, is-Sur Joe Salomone, Moderatur tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, f’isem il-komunita’ parrokkjali , ippreżenta simbolikament lil Monsinjur Arċisqof iċ-ċwievet tal-Knisja.

Dawn juru is-sagrifiċċji u l-ħidmiet, id-dwejjaq u l-ferħat, b’tant imħabba u dedikazzjoni ta’ bosta, li waslu biex jinbena dan it-Tempju.

Ma’ dawn iċ-ċwievet umilment ġie ppreżentat lill-Arċisqof dan it-Tempju, xogħol idejna, għas-servizz tal-komunita’ Nisranija f’Malta, b’sens ta’ ko-responsabbilta miegħu bħala r-ragħaj ta’ din l-Arċidjoċesi għażiża.

Taħt l-Artal Maġġur tqegħdu relikwi ta’ San Ġorġ Preca, il-Beata Marija Adeodata Pisani u l-Beatu Nazju Falzon.

L-ewwel rit li sar f’ Jum il-Konsagrazzjoni tal-Knisja kien dak tat-traxxix tal-ilma, li jfakkarna fil-Magżmudija tagħna.

L-ilma ingħata lill-Arċisqof mill-ewwel persuna li tgħammdet f’din il-knisja fis-16 ta’ Frar 2003.

L-Arċisqof bierek il-ħitan u l-binja tal-Knisja kif ukoll is-sistemi ġodda, awdjo u viżivi, dawk tal-elettriku u d-dawl, u s-sistema loop ġdida għal dawk l-aħwa neqsin mis-smiegħ.

Bierek il-kommunita parrokkjali kollha tagħna, il-ġebel ħaj mgħammed u kkonsagrat lil Alla, parti minn Kristu, s-saċerdot, profeta w sultan.

Imbagħad l-Arċisqof dilek l-artal u l-Knisja biż-żejt tal-Griżma tal-Isqof.

Il- mejda tal-Ewkaristija, magħmula mill-Ġebla Għawdxija tal-qawwi huwa xogħol il-marmista Raymond Bonello, mix-Xagħra Għawdex.

L-Arċisqof qiegħed idejh fuq l-Artal u talab li l-Mulej iqaddes din il-knisja u dan l-altar bi qdusija mis-sema, biex dan il-post ikun imqaddes għal dejjem,

u dan l-altar ikun dejjem mejda mħejjija għas-sagrifiċċju ta’ Kristu.

L-erba’ slaleb tal-Konsagrazzjoni, li jfakkruna mal-mixja tas-snin, fid-dilka ta’ dan it-tempju- u tagħna – biż-żejt tal-Griżma, huma maħdumin mill-mużajk u mqegħda fuq sodda tal-ġebel tal-qawwi mill-artista Għawdxija Maria Portelli minn Nadur.

Is-Slaleb dilkuhom:

1. Arċisqof Scicluna

2. Arċisqof Cremona

3.Mons Karm Aquilina

4. Fr Keith Bonnici

Wara li ntmesaħ u ntarama l-Artal għas-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, saret l- Inċensazzjoni tal-altar u tal-Knisja. Inxtegħel l-artal u s-Slaleb tal-Konsagrazzjoni u s-sistema l-ġdida tad-dawl.

Waqt l-Offertorju ttellgħu donazzjonijiet li nġabru waqt iż-żewġ weekends ta’ qabel il-Festa Parrokkjali u ta’ qabel il-Konsagrazzjoni tal-Knisja u tal-Artal, meta l-parroċċa ċċaħħdet mid-dħul tal-offertorju u kull ma jinġabar ser jingħata lil Monsinjur Arċisqof biex, kif tant jixtieq hu, ikun jista jinfetaħ is-St Michael Hospice ġewwa Cini Institute, Sta Venera, fejn ikunu jistgħu jintlaqgħu nies b’mard terminali ħalli jirċievu b’għożża kura paljattiva b’xejn.

Fi Tmiem iċ-Ċelebrazzjoni, waqt l-innu tal-ħruġ, sar it-Tberik tal-lapida li tfakkar din l-okkażżjoni.