Nota:-L-imaġini kollha f’din is-sezzjoni għandhom il-copyright ta’ “maltadiocese.org”
Nhar is-6 ta’ Mejju 2017, Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna kkonsagra l-Knisja tal-Iklin.
Monsinjur Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta, bħala saċerdot żagħżugħ kien wieħed mill-ewwel saċerdoti li qdew il-komunità tal-Iklin. Ikkonsagra l-Artal Maġġur u l-Knisja Parrokkjali tal-Iklin ddedikata lill-Familja Mqaddsa.
Dakinhar, kif daħal Monsinjur Arċisqof mill-bieb prinċipali tal-Knisja, is-Sur Joe Salomone, Moderatur tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, f’isem il-komunità parrokkjali , ippreżenta simbolikament lil Monsinjur Arċisqof iċ-ċwievet tal-Knisja.
Dawn juru s-sagrifiċċji u l-ħidmiet, id-dwejjaq u l-ferħat, b’tant imħabba u dedikazzjoni ta’ bosta, li waslu biex jinbena dan it-Tempju.
Ma’ dawn iċ-ċwievet umilment ġie ppreżentat lill-Arċisqof dan it-Tempju, xogħol idejna, għas-servizz tal-komunità Nisranija f’Malta, b’sens ta’ koresponsabbiltà miegħu bħala r-ragħaj ta’ din l-Arċidjoċesi għażiża.
Taħt l-Artal Maġġur tqiegħdu relikwi ta’ San Ġorġ Preca, il-Beata Marija Adeodata Pisani u l-Beatu Nazju Falzon.
L-ewwel rit li sar f’Jum il-Konsagrazzjoni tal-Knisja kien dak tat-traxxix tal-ilma, li jfakkarna fil-Magħmudija tagħna.
L-ilma ngħata lill-Arċisqof mill-ewwel persuna li tgħammdet f’din il-knisja fis-16 ta’ Frar 2003.
L-Arċisqof bierek il-ħitan u l-binja tal-Knisja kif ukoll is-sistemi ġodda, awdjo u viżivi, dawk tal-elettriku u d-dawl, u s-sistema loop ġdida għal dawk l-aħwa neqsin mis-smigħ.
Bierek il-komunità parrokkjali kollha tagħna, il-ġebel ħaj mgħammed u kkonsagrat lil Alla, parti minn Kristu, s-saċerdot, profeta u sultan.
Imbagħad l-Arċisqof dilek l-artal u l-Knisja biż-żejt tal-Griżma tal-Isqof.
Il-mejda tal-Ewkaristija, magħmula mill-Ġebla Għawdxija tal-qawwi huwa xogħol il-marmista Raymond Bonello, mix-Xagħra Għawdex.
L-Arċisqof qiegħed idejh fuq l-Artal u talab li l-Mulej iqaddes din il-knisja u dan l-altar bi qdusija mis-sema, biex dan il-post ikun imqaddes għal dejjem,u dan l-altar ikun dejjem mejda mħejjija għas-sagrifiċċju ta’ Kristu.
L-erba’ slaleb tal-Konsagrazzjoni, li jfakkruna mal-mixja tas-snin, fid-dilka ta’ dan it-tempju u tagħna – biż-żejt tal-Griżma, huma maħdumin mill-mużajk u mqiegħda fuq sodda tal-ġebel tal-qawwi mill-artista Għawdxija Maria Portelli minn Nadur.
Is-Slaleb dilkuhom:
1. Arċisqof Scicluna
2. Arċisqof Cremona
3.Mons Karm Aquilina
4. Fr Keith Bonnici
Wara li ntmesaħ u ntarama l-Artal għas-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, saret l- Inċensazzjoni tal-altar u tal-Knisja. Inxtegħel l-artal u s-Slaleb tal-Konsagrazzjoni u s-sistema l-ġdida tad-dawl.
Waqt l-Offertorju ttellgħu donazzjonijiet li nġabru waqt iż-żewġ weekends ta’ qabel il-Festa Parrokkjali u ta’ qabel il-Konsagrazzjoni tal-Knisja u tal-Artal, meta l-parroċċa ċċaħħdet mid-dħul tal-offertorju u kulma jinġabar ser jingħata lil Monsinjur Arċisqof biex, kif tant jixtieq hu, ikun jista’ jinfetaħ is-St Michael Hospice ġewwa Cini Institute, Sta Venera, fejn ikunu jistgħu jintlaqgħu nies b’mard terminali ħalli jirċievu b’għożża kura paljattiva b’xejn.
Fi Tmiem iċ-Ċelebrazzjoni, waqt l-innu tal-ħruġ, sar it-Tberik tal-lapida li tfakkar din l-okkażjoni.