Kien il-Kappillan Dun Karm Aquilina, li fl-2007 ikkummisjona it-titular tal-Familja Mqaddsa. Wara li l-pittur, Pawlu Camilleri Cauchi, iltaqa' mal-Kappillan u flimkien raw il-post, il-pittur ħejja abbozz biex ikun preżentat lill-Kummissjoni ta' l-Arti Sagra.
L-abbozz oriġinali li kien rettangolari fil-wisa' u tawwali, kien imqassam fi trittiku. Kien juri s-Sagra Familja fin-nofs, filwaqt li fuq naħa kien hemm it-twelid ta' Sidna Ġesu' Kristu u t-tberik tal-ilma (Kana) fuq in-naħa l-oħra. Madankollu kien suġġerit li ssir il-parti tan-nofs biss.
Għaldaqstant, Camilleri Cauchi adatta t-tema fuq stil li għalkemm żamm il-linji karatteristiċi tiegħu tradizzjonilai, żammu wkoll kontemporanju u frisk. Għalhekk meta tħares lejn il-kwadru jolqtok mill-ewwel. Il-figuri huma tlieta u jidhru kollha lebsin l-abjad, filwaqt li l-karnaġġjon hu naturali.
Fl-isfond hemm induratura bid-deheb, li barra li tgħin fid-dekorazzjoni, tfisser regalita'. Hemm ukoll il-kuluri vjola u blu' mżewqa bl-abjad. Il-pittur Camilleri Cauchi, minbarra li jagħti kas il-kuluri, li huma l-forte tiegħu, jesprimi ruħu fit-tifsir tagħhom.
Fuq kull naħa jidhru żewġ simboli: il-ġarra li tissimbolizza l-ilma u l-grazzji u mazza u skwerra jew kartabun. Dawn, minbarra li huma s-simboli tax-xogħol, huma ukoll l-għodda konnessi ma' San Ġużepp. Il-ġilju tas-safa f'idejn San Ġużepp ukoll jidher fil-pittura.
Minn dan kollu jidher li l-għan u l-ħsieb tal-arti sagra, hu kif jindika mill-istess kwalifikaisimha stess arti sagra, u li din tikkontribwixxi bl-aħjar mod għad-dekor tal-Mulej u li jgħin fil-fidi lil dawk kollha li jinġabru fit-tempju biex jassistu għas-servizzi u ċerimonji reliġjużi biex fost l-oħrajn jaqilgħu l-grazzji milqugħa kif ukoll jagħtu ġieħ lil Alla.
Tabilħaqq li dan l-iskop jintlaħaq f'din il-pittura mill-aktar kontemporanja tal-pittur Għawdxi Pawlu Camilleri Cauchi. Pittura li kull min iħares lejha jħoss l-għaqda tal-familja mqaddsa li trid tnissel l-istess għaqda fil-familji mhedda mill-ħajja mqallba tad-dinja ta' llum.
Il-parroċċa tal-Iklin għandha teżor b'din il-pittura, xogħol mill-isbaħ ta' dan il-pittur magħruf Għawdxi, xogħol li ta' kuljum jitgawda mill-parruċċjani u minn kull min iżur din il-knisja moderna fil-qalba tal-Iklin.
- Itolbu mela lil Sid il-ħsad, biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Mt: 9, 36
Talba lill-Familja Mqaddsa
Ġesu, Marija u Ġużeppi, Familja tassew Qaddisa, aħna kuntenti ħafna li l-Parroċċa tagħna ta’ l-Iklin tħalliet taħt il-ħarsien dirett tagħkom. Veru li bħala persuni u bħala familja, għextu tant żmien ilu, u f’ċirkustanzi differenti ħafna minn tagħna. Imma veru ukoll, li fis-sustanza, kellkom l-istess sfidi tagħna: l-għaqda fiż-żwieġ, diffikulta’ għall-fedelta, trobbija ta’ l-ulied, nuqqasijiet materjali, problemi ta’ dar, ta’ mewt u ta’ fidi. Ħarsuna, nitolbukom, fid-djgħufija u fil-limitazzjonijiet tagħna. Intom bnejtu fuq is-sod u rbaħtu l-isfidi kollha mhux biss għax smajtu l-kelma ta’ Alla imma fuq kollox għax smajtu minnha. Għinuna nibnu familja tixbaħ lil tagħkom. AMMEN.