Waqt is-Sinodu tal-Isqfijiet fl-2009, il-Papa Benedittu XVI qal, "Jiena nixtieq b'mod partikulari nfakkar u nirrakkomanda t-tradizzjoni antika tal-Lectio Divina. Jekk din tkun inkuraġġita b'mod effettiv, il-prattika tagħha ġġib fil-Knisja - jiena konvint minn dan - rebbiegħa spiritwali ġdida."
Il-Lectio Divina jew Qari Divin huwa stedina minn Alla biex il-bniedem permezz tal-Kotba Mqaddsa, jagħmel esperjenza personali Tiegħu, jidħol f'relazzjoni diretta Miegħu u jsir jafu mill-qrib. Għalhekk il-Lectio Divina mhux studju tal-Bibbja u lanqas laqgħa ta' talb. Imma esperjenza ma' Ġesu' Kristu li biha jixtieq jibdlilna ħajjitna mibnija fuq il-Kelma ta' Alla, u d-Dawl tal-Ispirtu s-Santu. Eżatt kif kellu Pawlu fit-Triq ta' Damasku: "Rajt dawl qawwi, aqwa mid-dawl tax-xemx u smajt leħen" (Atti 26:13-14).
Kif issir il-Lectio Divina - Tikkonsisti f’erba taqsimiet. Dawn huma:-
Lectio - Qari tas-silta magħżula.
Meditatio - Meditazzjoni dwar is-silta. Hawn ma nieqfux fuq dak li seħħ elfejn sena ilu, imma nirriflettu dwar dak li qed iseħħ fina (anzi fija) illum. Hawn min imexxi irid joqgħod attent li din it-taqsima ma tinbidilx f’laqgha ta’ studju tal-Bibbja (Bible Study).
Oratio - Talb marbut mal-qari u li joħroġ mis-silta nfisha. Importanti li din it-taqsima ma tinbidilx f’laqgħa ta’ talb (Prayer Meeting) jew ta’ interċessjoni. Mhux ghax dawn huma ħżiena, imma għaliex il-Lectio Divina għandha skop differenti.
Contemplatio – Kontemplazzjoni. Forsi din hija l-aktar parti diffiċli għalina li kontinwament irridu nagħmlu xi ħaġa aħna. F’dan il-mument irridu nieqfu minn kollox. Nieqfu mill-kliem u miċ-ċaqlieq. Mill-aħjar li nistgħu, ninqatghu mill-ħsejjes, kemm dawk li jiġu minn barra, u b’mod speċjali dawk li jiġu minn ġewwa fina. Ninsew lil ta’ madwarna. Nħallu barra kemm ħsibijiet kif ukoll xewqat, anke jekk dawn huma mill-aktar nobbli u qaddisa. Importanti li f’dan il-ħin, nintelqgħu għal kollox f’idejn il-Mulej u nħalluh jaħdem fina Hu.
Link: www.lectio-divina.org