Ġesu, Marija u Ġużeppi, Familja tassew Qaddisa, aħna kuntenti ħafna li l-Parroċċa tagħna ta’ l-Iklin tħalliet taħt il-ħarsien dirett tagħkom. Veru li bħala persuni u bħala familja, għextu tant żmien ilu, u f’ċirkustanzi differenti ħafna minn tagħna. Imma veru ukoll, li fis-sustanza, kellkom l-istess sfidi tagħna: l-għaqda fiż-żwieġ, diffikulta’ għall-fedelta, trobbija ta’ l-ulied, nuqqasijiet materjali, problemi ta’ dar, ta’ mewt u ta’ fidi. Ħarsuna, nitolbukom, fid-djgħufija u fil-limitazzjonijiet tagħna. Intom bnejtu fuq is-sod u rbaħtu l-isfidi kollha mhux biss għax smajtu l-kelma ta’ Alla imma fuq kollox għax smajtu minnha. Għinuna nibnu familja tixbaħ lil tagħkom. AMMEN.
Talbiet għall-Familja Tagħna
- Biex fil-familja tagħna nibqgħu nagħtu lil Alla l-ewwel u l-aqwa post, dejjem u f’kollox. Nitolbu.
- Biex fil-familja tagħna ma’ nonqsu qatt li nagħmlu ftit ħin ta’ talb kuljum flimkien. Nitolbu.
- Biex fil-familja tagħna nibqgħu nżommu l-Quddiesa tal-Ħadd bħala appuntament ma’ Ġesu’, u ma nħalluha qatt bla veru bżonn. Nitolbu.
- Biex fil-familja tagħna jsaltnu dejjem l-imħabba, l-għaqda, il-fedelta’ u r-rispett għal xulxin. Nitolbu.
- Biex il-mejtin tal-familja tagħna jidħlu jgawdu wiċċ il-Mulej, u jkollhom il-mistrieħ ta’ dejjem. Nitolbu.