Kors Bibliku dwar il-Familja Mqaddsa fl-Iskrittura

When:
February 9, 2015 @ 6:45 PM
2015-02-09T18:45:00+01:00
2015-02-09T19:15:00+01:00

Kelliem: Patri Marcello Ghirlando OFM
Dati: It-Tnejn 9, 16, 23 ta’ Frar 2015 fis-6.45pm fil-Knisja Parrokkjali, L-Iklin

kors Bibliku

IL-FAMILJA
DRAWWIET U ĠRAJJIETHA FIL-ĠDID TESTMENT

Meta niġu biex nitkellmu ftit fuq l-istituzzjoni tal-familja fil-Ġdid Testment, anke b’riferiment partikulari għall-Familja Mqaddsa ta’ Ġużeppi, Marija u Ġesù, l-ewwel ma jiġini f’moħħi huwa l-kliem tal-Beatu Papa Pawlu VI fis-Santwarju ta’ Nazaret, kliem imlissen f’Jannar tal-1964, waqt l-ewwel pellegrinaġġ ta’ Papa, il-Qdusija Tiegħu Pawlu VI, fl-Art Imqaddsa, dik l-art li l-istess Papa sejjaħ “il-ħames Vanġelu”.
Hekk kien stqarr Papa Montini: “Id-dar ta’ Nazaret hija skola, skola fejn wieħed jitgħallem jagħraf il-ħajja ta’ Kristu, skola ta’ l-Evanġelju. Hawn l-ewwelnett nitgħallmu naraw, nisimgħu, nimmeditaw u nifhmu sewwa x’tifsira kbira u għolja għandha għalina l-ħajja mill-iżjed sempliċi, umli u ħelwa li biha l-Iben ta’ Alla ried jurina lilu nnifsu. U forsi wkoll bil-ftit il-ftit nitgħallmu nsiru nixbħuh. Din id-dar tagħtina d-dawl, tiftħilna t-triq li malajr twassalna biex nagħrfu min hu Kristu. Fuq kollox hawnhekk inħossu l-bżonn li nagħtu ħarsa sewwa lejn dak kollu li għandu x’jaqsam, anzi donnu għandu rabta, ma’ l-għamara ta’ Kristu fina; irrid ngħid jien, il-postijiet, iż-żminijiet, id-drawwiet, id-diskorsi, ir-riti mqaddsa, f’kelma waħda dak kollu li bih inqeda Ġesù biex juri lilu nnifsu lid-dinja. Hawn ġew kollox jitkellem, kollox għandu t-tifsira tiegħu…Nitgħallmu wkoll hawnhekk kif għandha tkun l-imġiba tagħna fil-ħajja tad-dar. Għax id-dar ta’ Nazaret tfissrilna tajjeb x’inhi l-familja fix-xirka tagħha ta’ għożża, fis-sbuħija kbira u mdawwla tagħha, fir-rabta qaddisa u sħiħa tagħha; id-dar ta’ Nazaret turina kemm hi ħelwa t-trobbija fil-familja li ebda trobbija oħra ma’ tista’ teħdilha postha; tgħallimna x’inhu l-uffiċċju naturali tal-familja fl-ordni soċjali…” .
Bħal donnu Pawlu VI fakkarna, fost ħafna affarijiet, li biex nifhmu lil Kristu u r-realta’ tal-Familja Mqaddsa, irridu ta’ bilfors nagħarfu aħjar il-kuntest vitali konkret li fiha għex hu mal-familja tiegħu. Dan jidher b’mod partikluari fil-kliem li nixtieq intenni: “Fuq kollox hawnhekk inħossu l-bżonn li nagħtu ħarsa sewwa lejn dak kollu li għandu x’jaqsam, anzi donnu għandu rabta, ma’ l-għamara ta’ Kristu fina; irrid ngħid jien, il-postijiet, iż-żminijiet, id-drawwiet, id-diskorsi, ir-riti mqaddsa, f’kelma waħda dak kollu li bih inqeda Ġesù biex juri lilu nnifsu lid-dinja”. Dan ser ikun l-iskop ta’ dan l-artiklu li bih nixtieq niġbor flimkien xi idejat marbuta mal-familja fil-kuntest tal-Ġudajiżmu kif mgħajjex fil-Palestina tal-Ġdid Testment
Ma naħsibx li nkunu qed neżaġeraw jekk ngħidu li l-istituzzjoni tal-familji fi żmien il-Ġdid Testment kienet il-pedament tal-ħajja soċjali, ekonomika, politika u teoloġika tal-ħajja. Forsi mhux ta’ b’xejn li l-Vanġeli huma mirquma bil-ħjut tat-tixbihat u l-lingwaġġ marbut intimament mal-ħajja tal-familja. Ġesù jitwieled u jitrabba f’familja, hu jżur id-djar tal-familji, jgħallem, ifejjaq u jiekol fihom u spiss jinqeda b’tixbihat familjari biex iżewwaq il-parabboli u t-tagħlim tiegħu. Direttament jew indirettament il-familja hija realtà dejjem attwali fil-Vanġeli li jagħtuna l-ġrajja ta’ Ġesù.
Dan kollu jinftiehem aktar u aktar meta nġibu quddiem għajnejna kemm il-familja – dik ta’ Abraham, Iżakk, Ġakobb, il-familja tat-tribujiet, il-familja tad-“dar ta’ ulied Iżrael” kienet il-pern li Alla għażel biex iwettaq progressivament dik li aħna nqisu hija l-istorja tas-salvazzjoni. Direttament jew indirettament il-familja hija realtà dejjem attwali fl-istorja tal-imħabba, miġbura fil-kitbiet tal-poplu tar-Rabta l-Qadima, ta’ Alla lejn il-poplu tiegħu. Imma ħa nippruvaw nżommu l-ħarsa tagħna fuq il-Ġdid Testment.

Ir-realtà soċjali tal-familja fil-Ġdid Testment

Il-Vanġeli bħal donnhom tieqa miftuħa fuq ir-realtà tal-ħajja tal-familja fi żmien Ġesù. Spiss il-persunaġġi li jissemmew huma mlaqqma fil-ħajja tal-familja tagħhom. Minngħajr ma nitkellmu għalissa fuq l-istess familja ta’ Ġesù, nistgħu nġibu diversi eżempji. Pietru huwa parti minn familja: jissemma ħuh Indrì, martu u omm il-mara tiegħu mfejqa minn Ġesù (Mk 1:30). Ġajru, li jitlob bil-ħerqa l-għajnuna ta’ Ġesù, jidher flimkien ma’ martu u ma’ bintu mqajjma mill-mewt (Mk 5:40-43). Il-familja ta’ Najm hija magħmula minn omm, armla, u binha mqajjem ukoll mill-qawwa ta’ Ġesù (Lq 7:12). Marta, Marija u Lazzru huma aħwa li jgħixu flimkien fid-dar (Ġw 11:1-3; Lk 7:12). Is-Samaritana, diġà miżżewġa għal ħames darbiet, kienet qiegħda tgħix mas-sitt raġel tagħha (Ġw 4:16-18). Ġesù jistieden lilu nnifsu fid-dar ta’ Żakkew u jwassal is-salvazzjoni fid-dar/familja tiegħu (Lq 19:1-10). Ma’ dawn nistgħu nsemmu r-riferenzi li jsiru għad-djar għonja, bħal per ezempju tal-Qassisin il-Kbar u dik ta’ Erodi Antipas, li kienu jiġbru fihom suldati u lsiera flimkien (Mk 6:17-29; 14:47, 53-72).
Kieku kellna niddeskrivu l-familja fil-Ġdid Testment fi ftit kliem nistgħu ngħidu li kienet realta’ patrilokali, jiġifieri li n-nisa kienu jiżżewwġu fil-familja ta’ żwieġhom, bil-wirt li kien marbut man-nisel maskili. Id-djar spiss kienu jiġbru fihom anke tlett ġenerazzjonijiet: ir-raġel ma’ martu, aħwa mhux miżżewġa, ulied mhux miżżewġa, ulied miżżewġa u neputijiet. L-ilsiera u persuni mħaddma mill-familja kienu jitqiesu bħala parti mid-dar u l-familja, bħalma kienu jitqiesu r-romol u anke barranin li kienu jinġabru taħt is-saqaf familjari ta’ dawk li kienu jistgħu.
Il-familja fi żmien il-Ġdid Testment, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ awtorità, kellha qafas ġerarkiku. Il-missier jew r-raġel l-aktar anzjan kien jitqies bħala l-partrijarka. L-awtorità kollha kienet f’idejh. L-irġiel kellhom awtorità fuq in-nisa tagħhom (ara Sir 25:26), il-ġenituri fuq uliedhom (Eż 20:12; Sir 3:1-16; Tob 4:3-4). Ir-responsabilitajiet formali tal-familja, id-deċiżjonijiet u l-finanzi, kienu jaqgħu fuq il-missier, inkluża r-realtà li jinnegozja ż-żwieġ ta’ uliedu. Niftakru li mal-mewt tal-missier din ir-responsabilità kienet taqa’ fuq ibnu l-kbir. Il-parabboli ta’ Ġesù jixhdu għall-awtorità li kellhom il-ġenituri fil-familja (Mt 18:23-34; 21:28-31; Lq 15:11-32), awtorità mseddqa minnu stess (Mk 7:9-13; 10:19; Lq 2:51). U forsi dan kollu jfakkarna wkoll f’kemm svantaġġi kienu jiffaċċjaw ir-romol minngħajr il-bastun ta’ żwieġhom.
Il-ħajja ta’ kuljum tal-maġġoranza tal-familji kienet msejsa fuq ix-xogħol neċessarju biex wieħed jipprovdi għal familja tiegħu. Jidher li kulħadd kellu r-responsabilitajiet tiegħu f’dan il-qasam: missirijiet, ommijiet, adulti u tfal żgħar, l-ilsiera u membri oħra fid-dar kellhom jagħtu sehem fid-dar, fix-xogħol, fil-ħidma tar-raba’ (ara Mk 1:16-20; Mt 21:28-31; Lq 10:40; 15:25-32).
Il-familji, anke dik fis-sens aktar wiesa, kienu marbuta mal-komunità li fiha kienu jgħixu. Il-komunità lokali ta’ raħal kienu jqisu rwieħhom bħala familja (Lq11:5-8; 15:3-10). Il-Lhud stess kienu jqisu lilhom infushom bħala familja kbira.

Żwieġ u divorzju

Id-drawwiet fuq iż-żwieġ u l-familja nistgħu niġbruhom mit-tagħlim tar-rabbini, tagħlim li bejn wieħed u ieħor jirrifletti żmien il-Ġdid Testment. Ir-rabbini kienu jistennew li r-raġel jiżżewweġ meta jkollu madwar għoxrin sena, wara li jkun studja t-Torah . Il-bniet kienu jingħataw għaż-żwieġ ftit wara l-pubertà. Il-biċċa ‘l kbira taż-żwiġijiet kienu jkunu żwiġijiet mifthiema bejn il-familji, imsejsa fuq l-approvazzjoni ta’ missier it-tfajla jew ħuha l-kbir fl-assenza tal-missier (Tob 7:11-14). Fost il-Lhud kien obbligatorju li jiżżewwġu ma’ Lhud, anke jekk mhux l-ewwel darba li kien isir xi żwieġ ma’ parti proselita. Żwieħ bejn il-kuġini kien permess fil-limitu ta’ dak li kienet tistqarr il-Liġi f’Levitiku 18:6-17. Il-Levitiku kien iqiegħed ukoll kundizzjonijiet ċari rigward iż-żwiġijiet fost il-qassisin u l-qassisin il-kbar (Lev 21:7, 13-15).
L-ewwel pass lejn iż-żwieġ kien l-għerusija, li kienet tiġi ċċelebrata permezz ta’ ċerimonja u kienet ittul għal diversi xhur, xhur li fihom l-għarajjes kienu jħejju għall-festa tat-tieġ u jħejju d-dar għal familja l-ġdida tagħhom. L-għerusija kienet tinkludi fiha wegħda solenni ta’ żwieġ, tant li l-għarajjes kienu jitqiesu daqslikieku miżżewġin. Kull infedeltà kienet titqies bħala adulterju (Dt 22:23-29) u l-ksur tal-wegħda tal-għerusija kienet teħtieġ anke l-kitba tad-divorzju.
Il-mara kienet tidħol għaż-żwieġ b’dota mħejjija apposta. Id-dota, almenu għal min ma kienx fqir iżżejjed, kienet tikkonsisti f’muniti jew oġġetti ta’ valur. Ħwejjeġ, borom, għodda tax-xogħol eċċ. Id-dota kienet formalment tappartjeni lir-raġel, imma setgħet tingħata lura lill-mara jekk imut ir-raġel jew jekk dan jitlaq lil martu bid-divorzju. Ir-raġel kien obbligat jagħmel ħlas lill-missier l-għarusa tiegħu, ħlas li kien jissejjah mohar (Ġen 34:12; Eż 22:15-16). Aktar tard fl-istorja hu kien obbligat jagħmel biss kettubah, kitba li biha jwiegħed somma flus lil martu jew uliedu fil-każ ta’ mewtu jew divorzju: il-ħlas imwiegħed kien ikun mill-inqas 200 dinar għal xebba u 100 dinar jekk jiżżewweġ mara li kienet diġà kienet miżżewġa.
Il-kitba taż-żwieġ, ketubbah, li kienet issir fit-tieġ kienet tixhed għar-rabta taż-żwieġ u tiċċara l-obbligazzjonijiet monetarji tal-partijiet (Tob 7:14). Din il-kitba kellha l-karatteristiċi kollha ta’ kuntratt formali u fiha wieħed seta’ isib dati, ismijiet, l-obbligazzjonijiet legali lejn xulxin, xhieda u firem.
Il-festa tat-tieġ kienet ittul anke sebat ijiem u kienet tibda b’purċissjoni tax-xebba lejn id-dar il-ġdida. Kien l-għarus, mgħejjun mill-‘ħabib tal-għarus’, li kien imur għal għarustu b’purċissjoni mżewqa bil-kant u ż-żfin. Element importanti tal-festa tat-tieġ kien il-mument li fih ried jiġi ppruvat li l-għarusa kienet verġni (Dt 22:13-31).
Ir-rabbini saħqu wkoll fuq l-obbligi tar-raġel u l-mara, li jinfthiemu fid-dawl tal-mentalità patrijarkali taż-żmien. Il-missier kien fid-dmir li jipprovdi għall-familja u jmantniha. Kellu jindokra bl-imħabba u bil-kura lil martu. Il-mara kellha d-dmir li tipprovdi l-ħwejjeġ u l-ikel ghall-familja, ikollha x’taqsam mar-raġel, twelled u tieħu ħsieb iż-żgħar. Jekk il-mara ma kenitx twettaq dmirijietha, ir-raġel kellu l-permess jiddivorzjaha u jibgħatha u l-istess setgħet tagħmel il-mara, anke il-kitba kellha ssir mir-raġel. Ir-raġunijiet għad-divorzju kienu, almenu sal-ewwel seklu qabel Kristu, il-ksur tal-wegħdiet taż-żwieġ: fedeltà, kura fl-ilbies, fl-ikel u fl-imħabba fiżika. Nafu li fi żmien il-Ġdid Testment kien hemm dibattitu kbir fuq ir-raġunijiet validi għad-divorzju (Mt 19:3-9; ara wkoll Sir 25:16). L-iskola ta’ Rabbi Xammaj kienet tqis biss l-adulterju bħala raġuni ewlenija għad-divorzju; l-iskola ta’ Rabbi Ħillel kienet tqis kwalunkwe ħaġa li ma kenitx tgħoġob lir-raġel fil-mara bħala raġuni biżżejjed għad-divorzju. Minħabba r-realtà tad-divorzju u l-mewt bikrija ta’ waħda mill-partijiet, iż-żwieġ mill-ġdid kien komuni.

Dmirijiet fil-familja

Il-prokreazzjoni tal-ulied kienet titqies bħala r-raġuni aħħarija ta’ kull żwieġ: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha…” (Ġen 1:28). Żewġt itfal kienu jitqiesu bħala l-minimu li familja seta’ jkollha, imma ġeneralment il-familji kienu numerużi ħafna. Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh ukoll li l-mortalità infantili kienet komuni ħafna. Anke jekk diversi metodi ta’ kontroll tat-twelid kienu jeżiżtu ftit nafu fuq kemm dawn kienu jintużaw; ħaġa waħda hija ċerta li l-abort u l-qtil tat-tfal, komuni fis-soċjetà mhux Lhudija, ma kenux aċċettati fost il-Lhud.
Anke l-ulied kellhom id-dmirijiet lejn il-ġenituri. Kienu obbligati jweġġgħu lil misierhom u lil ommhom (Eż 20:12) fi spirtu ta’ ubbidjenza li hija bieb miftuħ għas-sema. “Uliedi, isimgħu minni, jien missierkom; agħmlu kif ngħidilkom jien biex issalvaw. Għax il-Mulej għolla l-missier fuq it-tfal, u saħħaħ dritt l-omm fuq l-ulied…daqs midgħi min jitlaq lil missieru waħdu, u misħut mill-Mulej min jgħaddab lil ommu” (ara Sir 3:1-16); “Isma’, ibni, kliem missierek, u twarrabx tagħlim ommok; dawn huma għalik kuruna sabiħa fuq rasek, u kullana ta’ ġieħ madwar għonqok” (Prov 1:8-9).
Il-ġenituri kienu l-edukaturi ewlenin ta’ wliedhom skond l-istqarrija tal-fidi Lhudija f’Dt 6:7: “Għallimhom lil uliedek!” L-edukazzjoni kienet prinċipalment reliġjuża u kien hemm fost is-subien li kienu jmorru fil-beit midraxx, fl-iskola tas-sinagoga. Id-dixxiplina korporali kienet parti mill-edukazzjoni: “Min iħobb ‘il ibnu, ta’ sikwit, jagħtih is-swat, ħalli fl-aħħar ikollu biex jifraħ. Min lil ibnu jżommlu, ibnu jkun għalih ta’ ġieħ, u jiftaħar bih man-nies li jafhom. Min irabbi tajjeb ‘il ibnu jqanqal l-għira tal-għadu, u jkun ferħan bih quddiem il-ħbieb…Widdeb lil ibnek u żommlu iebes, biex ma tixgħofx bl-għajb tiegħu” (ara Sir 30:1-13); “Agħmel għassa sewwa fuq tifla rasha iebsa, li ma tmurx iddaħħak l-għedewwa tiegħek bik, iġġibek f’ilsien il-belt kollha jew tagħmlek għajdut in-nies, u ġġagħlek tistħi quddiem kotra kbira” (Sir 42:11). L-edukazzjoni tas-subien kienet responsabilità ewlenija tal-missier, filwaqt li l-edukazzjoni domestika tal-bniet kienet dik tal-omm.
Jekk kienet tmut l-omm, il-missier kien obbligat li jkompli jipprovdi għal uliedu, anke jekk jerġa’ jiżżewweġ u jwaqqaf familja oħra. Kienet prassi mbagħad, li l-wirt tal-missier jgħaddi fuq l-ulied subien, anke jekk il-bniet setgħu ma jiġux esklużi, speċjalment jekk jibqgħu ma jiżżewwġux.

Ix-xogħol

Iċ-ċirkustanzi ekononomiċi tal-familji fil-biċċa ‘l kbira kienu modesti ħafna. L-għonja kienu ftit: xi familji f’Ġerusalemm u dawk li kellhom artijiet kbar fil-Galilija, li spiss kienu f’idejn il-barranin li kienu jamministrawhom f’isem il-familji rjali. Il-familji kienu jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum billi jaħdmu fil-biedja, fis-snajja u f’xi business żgħir. Fil-Lhudija aktar komuni kienet it-trobbija tal-bhejjem. Mal-Baħar tal-Galilija wieħed seta’ jsib ħafna li kienu jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum bis-sajd. Fil-Wied tal-Ġordan kienu jaħdmu fl-għelieqi tad-dwieli u tat-tin. Ix-xogħol kien iebes għal kulħadd, anke għal dawk li kienu jaħdmu l-fuħħar, il-ħaddieda, il-konzaturi, il-ħajjata eċċ.
Ħafna familji kienu sabu xogħol fi żmien il-proġetti kbar ta’ bini fi żmien is-Sultan Erodi l-Kbir. Imma l-qagħad kien komuni, ħafna familji kienu fil-fatt foqra, it-toroq perikolużi minħabba l-ħallelin, it-taxxi għolja ħafna. Raġunijiet li xprunaw ħafna familji biex jemigraw mill-Palestina u jsibu xorti aħjar fid-diversi komunitajiet Lhud tad-Diaspora, jiġifieri barra l-Palestina, imxerrda fil-baċin tal-Mediterran.

Id-Djar

Kif kienu d-djar tal-familji fi żmien il-Ġdid Testment nafuh mill-fdalijiet arkejolġiċi u mill-letteratura rabbinika li titkellem fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-familji. Id-djar kienu magħmulin minn kmamar kwadri jew rettangulari, b’bitħa jew diversi btieħi, skond it-tip tad-dar. Il-bjut dejjem kienu ċatti. Uħud mid-djar kellhom ukoll it-tieni sular, uħud minnhom anke b’gallarija, li kont titla’ għalih jew minn taraġ tal-ġebel jew sellum.
It-twieqi ġeneralment kienu żgħar u jitqiegħdu fl-għoli u jagħtu għall-bitħa. Il-ħitan ħoxnin kienu jitħallew b’speċi ta’ niċeċ fihom u dan biex jintużaw biex dak li jkun jerfa l-affarijiet. Il-ħitan kienu jitkaħħlu. Fid-djar tal-għonja it-tikħil kien ikun fih u mhux l-ewwel darba mpinġi bl-affreski. L-art kienet titballat bit-trab jew bit-tafal; it-twapet kienu jagħtu dehra isbaħ u jaqtgħu l-kesħa. Jekk familja kienet tat-tajjeb, l-artijiet kienu jinksew bil-madum tal-ġebel jew saħansitra anke bil-mużajk.
Il-materjal għall-bini kien karatteristiku tar-reġjun. Per eżempju, jekk wieħed jara l-fdalijiet tar-raħal ta’ Kafarnahum, jinduna li d-djar żgħar tal-familji kienu jinbnew bil-basalt iswed karatterisiku tal-Galilija.
Il-letteratura rabbinika tiddeskrievi l-użu ta’ żewġ kmamar partikulari: il-kamra l-kbira, traklin, kienet tintuża għall-ikel u għal xi ċelebrazzjonijiet partikulari, imma anke għal ħasil u għat-tisjir. Il-kamra l-oħra, il-kiton, kienet il-kamra għall-irqad fejn kulħadd kien jorqod flimkien (Lq 11:7). Fil-klima sħun tal-Palestina il-bitħa jew btieħi u l-bjut wkoll kienu jintużaw spiss: għall-ikel, għall-bhejjem, biex inixxfu ż-żebbuġ, għall-ħaxix u l-frott u saħansitra għat-talb. Il-btieħi spiss kien ikollhom il-bir, bl-ilma għat-tisjir u l-ħasil. In-nuqqas ta’ kmamar tal-banju jixhed għal fatt li l-familji kienu jużaw vaż tal-fuħħar jew saħansitra barra biex ibattlu.
Interesanti, f’dan il-kuntest, huwa l-parir ta’ Bin Sirak: “Il-ħwejjeġ ewlenija tal-ħajja huma l-ilma, il-ħobż u l-ilbies, u dar fejn tostor l-għera tiegħek. Aħjar il-ħajja ta’ fqir fil-taħt saqaf tal-injam, minn ikel bil-ħala għand il-barranin. Ħa jkun jgħoġbok kemm il-ftit u kemm il-ħafna, u hekk ma tismax ċanfir, għax tkun ta’ ħaddieħor. Jekk tgħix minn dar ħiereġ u f’oħra dieħel, tgħaddi ħajja ta’ niket; u fejn tkun qiegħed ta’ barrani lanqas ħalqek ma tkun tista’ tiftaħ” (Sir 29:21-24).

Ir-realtà teoloġika tal-familja fil-Ġdid Testment

Dak kollu li għidna s’issa mhuwiex biżżejjed biex nifhmu għal kollox ir-realta’ tal-familja fil-Ġdid Testment. Irridu nżidu l-fatt li l-familja fi ħdan il-Ġudajiżmu kienet wkoll meqjusa bħala realtà teoloġika, jiġifieri il-post privileġġjat fejn Alla kien preżenti u fejn il-poplu kien konkretament jagħti tweġiba bil-għixien tal-Patt li Alla kien għamel mal-poplu tiegħu.
Huwa l-Ktieb tad-Dewteronomju li jisħaq fuq il-fatt li l-Patt jitlaqqam fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull familja Lhudija. L-istorja ta’ Israel, l-għixien tal-preċetti, it-tagħlim tal-Liġi ta’ Mosè kollha jseħħu fi ħdan il-familja li hija msawwra fuq il-mudell tal-imħabba li Alla Missier/Omm għandu għal poplu għażiż tiegħu. Il-familja kienet, anke fi żminijiet il-Ġdid Testment, espressjoni fiċ-ċokon tal-identità ta’ Israel bħala l-poplu l-magħżul ta’ Alla. Anke Ġesù u d-dixxipli tiegħu, is-semmiegħa kollha tiegħu, kienu trawwmu fil-ħarsien tal-patt u fl-imħabba lejn Alla fil-familji tagħhom.
Ma naħsibx li jkun għalxejn jekk inkomplu nisħqu li l-familja kienet il-bejta ewlenija li fiha l-ulied kien jitlaqqmu fl-istorja tas-salvazzjoni tal-poplu tagħhom; kien fil-familja li kienu jitgħallmu l-liġijiet u l-preċetti, il-ħarsien tas-Sibt. Kien fil-kenn tal-familja li kienu jiċċelebraw il-festi l-kbar, festi li mbagħad kienu wkoll ifakkru flimkien mal-ġemgħa tal-poplu tagħhom. “Meta ibnek għada pitgħada jistaqsik, u jgħidlek: X’inhuma dawn il-preċetti, il-kmandamenti u d-digrieti li takom il-Mulej Alla tagħna?’ int twieġeb lil ibnek: ‘Konna lsiera tal-Fargħun fl-Eġittu, u ħariġna l-Mulej mill-Eġittu bil-qawwa ta’ jdejh. U l-Mulej għamel quddiem għajnejna sinjali u għeġubijiet kbar bi ħsara għall-Eġittu, għall-Fargħun u daru kollha. Lilna ħariġna minn hemm biex iġibna fl-art, u jagħtihielna kif ħalef lil missirijietna. Il-Mulej ordnalna li nħarsu dawn il-kmandamenti kollha u li nibżgħu mill-Mulej, Alla tagħna, biex ikollna r-riżq il-jiem kollha ta’ ħajjitna bħalma aħna llum. U dan ikun is-sewwa tagħna: li nqisu li nagħmlu din il-liġi quddiem il-Mulej, Alla tagħna, bħalma ordnalna hu’” (Dt 6:20-25).
B’dan li għidna nistgħu nistqarru li anke fi żminijiet il-Ġdid Testment, il-familja baqgħet il-post privileġġjat għat-tagħlim u l-ħarsien tal-Patt. Il-familja, nistgħu ngħidu bla tlaqliq, kienet il-post fejn l-ulied kien jagħmlu l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla għalihom u għal poplu tagħhom; kull talba mgħallma mill-ġenituri, kull ċelebrazzjoni, żgħira jew kbira, kienu l-okkażjoni li biha l-ulied kienu jintgħaġnu fl-esperjenza tad-divin fis-sempliċità tal-ħajja ta’ kuljum.
Għalhekk huwa aħjar nifhmu il-ħeġġa ta’ Ġużeppi u Marija biex iħarsu dak li kien mitlub mill-Liġi ta’ Mosè (Lq 2:21-24, 41-51). Fil-Vanġeli Ġesù jiġi prreżentat li jgħallem fid-djar (Mk 1:32-33; 2:1-2; 3:19-20) u jibgħat lid-dixxipli tiegħu fid-djar, jiġifieri fil-famili (Mt 10:11-13; Mk 6:10). Il-ġenituri kienu jġibu lil uliedhom għand Ġesù għal fejqan u għal barka (Mk 5:21-43; 9:14-29; 10:13-16). Missirijiet, ommijiet u tfal kienu dejjem preżenti meta Ġesù kien jgħallem u meta kattar il-ħobż (Mt 14:21; 15:38).
F’dan id-dawl nistgħu nifhmu anke aħjar it-tħeġġiġa li jagħmel l-Appostlu Pawlu għall-ħajja familjari li issa trid tiġi mgħixha fil-Mulej, jiġifieri fid-dawl tal-patt il-ġdid imwettaq bil-fidwa ta’ Kristu: “Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu. Intom, nisa miżżewġa, obdu lil żwieġkom, kif għandu jkun fil-Mulej. Intom imbagħad, irġiel miżżewġa, ħobbu n-nisa tagħkom, u tkunux iebsa magħhom. Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej. Intom, missirijiet, la ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom” (Kol 3:17-21); “Oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu. Għalhekk, bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom joqogħdu għal żwieġhom f’kollox. Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma u l-kelma u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’dejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd. Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikie ġisimhom stess. Min iħobb lil martu jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad lil ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tiegħu. Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed. Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir! Għalhekk intom ukoll, kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha. Intom it-tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom fil-Mulej, għad dan huwa s-sewwa. ‘Weġġaħ ‘il missierek u ‘l ommok’: dan hu l-ewwel kmandament b’wegħda ‘sabiex ikollok ir-risq u jtul għomrok fuq l-art’. U intom il-missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej” (Ef 5:21 – 6:4).
Hawnhekk huwa sabiħ niftakru kif fil-medda tat-tradizzjoni biblika Israel kien dejjem jiġi meqjus bħala l-familja ta’ Alla. Kemm drabi l-profeti ħarsu lejn Alla bħala Missier/Omm il-poplu: “Meta kien tfajjel Israel ħabbejtu, u mill-Eġittu sejjaħt lil ibni. Imma aktar ma sejjaħtilhom, aktar tbiegħdu minni; offrew sagrifiċċji lil Bagħalim, u baħħru quddiem l-idoli. Kont jien li ‘l Efrajm għallimtu jimxi, rfajthom fuq dirgħajja, iżd’huma mgħarfux kemm kont ħadt ħsiebhom! Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom, b’rabtiet ta’ mħabba; u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh, u lejha mmil nitmagħha” (Hos 11:1-4); “Dan jgħid il-Mulej, il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ israel; ‘Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi’” (Iż 47:17); “Tista’ mara tinsa lit-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsik qatt!…U kull bniedem ikun jaf li jien il-Mulej, il-Ħellies tiegħek, il-Feddej tiegħek, il-Qawwi ta’ Ġakobb” (Iż 49:15. 26).
Ir-ribelljoni ta’ Israel hija bħar-ribelljoni tal-ulied kontra l-ġenituri tagħhom (Ġer 2:27-29), Għalhekk il-ġenituri kienu jitqiesu li huma sinjal tal-presenza ta’ Alla fil-familja; l-ubbidjenża jew id-diżubbidjenza tagħhom qishom sinjal tal-attitudni esiżtenzjali tal-poplu quddiem Alla: “Min iweġġaħ ‘il missieru jkollu għomor twil, u min iserraħ lil ommu jkun qed jisma’ mill-Mulej” (Sir 3:6).
B’din it-tradizzjoni ħajja biblika hekk qawwija nistgħu nifhmu aħjar għaliex fil-Vanġeli Alla huwa dejjem ippreżentat u esperjenzat bħala Missier: Ġesù jitlob dejjem lill-Missier u jgħallem lid-dixxipli tiegħu jagħmlu l-istess (Lq 10:21; 11:1-4), u dan anke fit-tfittxija tar-rieda ta’ Alla l-Missier f’kollox (Mk 3:35; 14:36; Mt 6:10; 7:21; 12:50). Alla huwa Missier li jindokra lil uliedu (Mt 6:25-33) “Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom. Għax kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu. Min hu dak il-bniedem fostkom li, jekk ibnu jitolbu biċċa ħobż, sejjer jagħtih ġebla? Jew jekk jitolbu ħuta, sejjer jagħtih serp? Mela jekk intom, niex ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar Missierkom li hu fis-smewwiet jagħti ħwejjeħ tajba lil min jitlobhomlu?” (Mt 7:7-11). F’Bin il-Missier (Ġw 1:14) kull min jemmen isir parti mill-familja tal-ulied adottivi ta’ Alla: “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla” (Ġw 1:11-13).

Il-Familja Mqaddsa

Fil-kuntest ta’ dak kollu li għidna nistgħu nifhmu aħjar il-ġrajjiet tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, bid-dettalji kollha li huma miġbura fil-Vanġeli: Ġesù li jitwieled b’mod verġinali minn Marija, għarusa ta’ Ġużeppi li kien mastrudaxxa (Mt 13:55; Mk 6:3), u li trabba fir-raħal ta’ Nazaret (Mt 2:23; Mk 1:9; 6:1; Lq 2:39-40; Ġw 1:45), flimkien mal-familja estiża ta’ “ħutu” subien u bniet (Mk3:31; 6:3; Ġw 7:3-10). Huwa f’familja karatteristika taż-żmien li Ġesù jitwieled, jitrabba u jikber.
Fil-fatt aħna nafu li huma San Mattew u San Luqa li l-aktar li jagħtuna ftit ħjiel tal-familja ta’ Ġesù fl-hekk imsejħa Vanġeli tat-Tfulija. Dan jagħmluh fl-ewwel żewġ kapitli tal-Vanġeli tagħhom. Wara li bħall-evanġelisti l-oħra kkonċentraw li jagħtuna l-qofol tal-Bxara t-Tajba, Mattew u Luqa ħassew il-ħtieġa li jagħtu tweġiba għal diversi mistoqisijiet tal-ewlenin insara: min fejn ġie Ġesù? Jekk huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, kif sar bniedem, min rabbieh, minn ħejjih għall-missjoni ta’ fidwa bħala Messija, huwa veru l-Messija li jwettaq il-wegħdiet li Alla kien għamel lill-poplu ta’ Israel?
Kieku kellna nqiegħdu ż-żewġ verżjonijiet tat-tfulija ta’ Ġesù u l-ġrajjiet bikrin tal-familja mqaddsa, malajr nindunaw li dawn huma differenti minn xulxin. San Mattew, wara r-rakkont tat-tħabbira lil Ġużeppi, jagħti l-ideja li Ġużeppi u Marija kienu jgħixu Betlehem għax kellhom dar hemmhekk. Ġużeppi huwa mogħti importanza kbira fir-rakkont. Il-wasla tal-maġi, immexxijin mill-kewkba, twassal lis-sultan Erodi l-Kbir biex joqtol it-trabi ta’ betleħem uminħabba f’hekk il-familja mqadssa taħrab lejn l-Eġittu. Wara l-mewt ta’ Erodi huwa ibnu Arkelaws li jieħu f’idejh il-ħakma tal-Lhudija. Minħabba f’hekk Ġużeppi jibża’ jirritorna Betleħem u għalhekk jieħu lil Marija u lit-tarbija Ġesù biex joqogħdu Nazaret, fil-Galilija.
Mill-banda l-oħra, San Luqa jagħti importanza kbira lil Marija. Jurina kif Marija u Ġużeppi kienu jgħixu Nazaret u marru Betleħem minħabba ċ-ċensiment ruman. Il-fatt li Marija wildet lil Ġesù, fisqietu u medditu f’maxtura hemmhekk, juruna li ma kellhomx dar f’Betleħem. Flok il-maġi jissemmew ir-ragħajja li titħabbrilhom il-bxara t-tajba tat-twelid tal-Messija. Ir-ritorn lejn Nazaret iseħħ wara l-presentazzjoni tat-tarbija fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, fejn Ġesù jiġi magħruf mix-xwejjaħ Xmun u x-xwejħa Anna. Luqa jagħtina wkoll il-ġrajja marbuta ma’ Ġesù li ta’ tnax-il sena jibqa’ fit-Tempju jitħaddet mad-dutturi.
Id-differenzi juru verità ċara: iż-żewġ evanġelisti għamlu għażla minn dak li ġie mgħoddi lilhom mill-familji ta’ Ġużeppi u Marija. Mill-ġrajjiet nisġu teoloġija tal-istorja, jiġifieri r-riflessjoni u l-interpretazzjoni proprja tagħhom u tal-Knisja tal-bidu tal-ġrajjiet tat-tfulija tal-Mulej, ġrajjiet li huma ħarsu lura lejhom fid-dawl tal-att tal-fidwa li jseħħ fuq is-salib u bil-qawmien ta’ Ġesù. Mattew u Luqa għażlu u għaġnu il-ġrajjiet bikrin tal-familja mqaddsa mal-Bxara t-Tajba li riedu jgħaddu biex iseddqu l-fidi tal-qarrejja tagħhom u ppruvaw jagħtu tweġiba ċara lil tant mistoqsijet li kellhom l-iskop li jifhmu aħjar l-identità ta’ Ġesù fil-kuntest tal-istorja tal-fidwa tal-passat, fl-Antik Testment, u fil-preżent, jiġifieri fid-dawl tas-salib u l-qawmien.
Bir-rakkonti tal-ġrajjiet bikrin tal-familja mqaddsa San Mattew u San Luqa wrew li Ġesù kien Bin David permezz ta’ Ġużeppi, u allura kien tassew it-twettiq tal-wegħdiet messjaniċi; jaqblu li Marija nisslet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, mela Ġesù hu tassew l-Iben ta’ Alla; bħala Bin Alla u Bin David Ġesù kellu jkun sinjal li jmeruh, kellu jsir il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna. B’ġrajjiet tfulitu, Ġesù huwa ppreżentat bħala Israel il-ġdid, anzi l-bniedem il-ġdid li jwettaq it-tamiet tal-istorja kollha tas-salvazzjoni. Hu “il-Verb li sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1:14): imma dan kollu bħala bniedem li sar bħalna f’kollox barra d-dnub.

Familja bħall-oħrajn

Huwa nteressanti ħafna kif id-dettalji rigward il-familja fi żminijiet il-Ġdid Testment li fuqhom tkellimna fl-ewwel parti ta’ dan l-artiklu huma misjuba fir-rakkonti tal-Vanġelu tat-Tfulija ta’ Ġesù. Ħa naraw flimkien xi ftit eżempji.

Għarajjes

San Mattew u Luqa huma ċari fid-deskrizzjoni tagħhom ta’ Ġużeppi u Marija: kienu għarajjes. “Ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:18-19); “Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija…’Kif ikun dan ladarba ma nagħrafx raġel?’” (Lq 1:26-27. 34) Ġużeppi u Marija kienu għarajjes: irridu nġibu quddiem għajnejna lil Ġużeppi, żagħżugħ ta’ madwar għoxrin sena, u Marija, xebba ċkejkna ta’ madwar ħmistax-il sena. Kienu diġa’ ta’ xulxin legalment tant li Mattaew isejjah lil Ġużeppi “żewġha”; kienu ta’ xulxin imma kienu fil-fażi li ma jgħixux taħt saqaf wieħed sakemm iħejju d-dar l-ġdida u l-festa tat-tieġ. Għalhekk Marija setgħet tistaqsi “Kif ikun dan ladarba ma nagħrafx raġel”. Ġużeppi, li seta’ fehem it-tqala ta’ Marija bħala frott adulterju, iħammem li “ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies”. Ir-ripudju tal-għarusa infidila, skond il-Liġi f’Dewteronomju 24:1, kellu jsir pubblikament bil-kitba tad-divorzju. Il-ġustizzja ta’ Ġużeppi tiftaħ qalbu biex ifittex ir-rieda ta’ Alla għal familja futura tiegħu u bħal donnu kellu rokna ta’ qalbu miftuħa li din it-tqala kienet opra misterjuża ta’ Alla: l-anġlu kellu jirrivelalu l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fit-tqala ta’ għarustu, u f’isem Alla, jipproponilu missjoni tal-għaġeb.

Missjoni ta’ ġenituri

Din il-missjoni titħabbar mill-anġlu li jidher fil-ħolm: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù; għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1:20-21). Alla jagħmel sejħa speċjali lil Ġużeppi u għalhekk jistiednu biex ma jibżax! Flimkien ma’ Marija kellu jkun il-familja tat-tarbija li tnisslet bil-qawwa ta’ Alla, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Kellu jkun Ġużeppi, bħala l-missier li kellu jieħu r-responsabilità li jindokra u jkabbar lit-tarbija f’kull sens, li jagħti l-isem lit-tarbija: Ġesù. Jiġifieri mhux biss kellu jlaqqam it-tarbija fil-wegħdiet messjaniċi magħmula lid-dar ta’ David, imma fuq kollox, kellu jkun dak li jrabbi lit-tarbija, jipprovidilha, irawwimha fil-fidi u f’kull virtù umana, biex dan Ġesù jitħejja għal missjoni speċifika tiegħu ta’ messija u Salvaur: “għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Dan kollu f’għaqda intima ma’ Marija, skond il-kliem tal-anġlu f’Nazaret: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu…l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1:31-33. 35).
Il-Vanġeli ma jitkellmux fuq it-tieġ ta’ Ġużeppi u Marija, li żgur żżewġu wara t-tħabbiriet magħmula lilhom. L-uniku tieġ imsemmi direttament fil-Vanġeli huwa t-tieġ ta’ Kana fil-Galilija: “Omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu” (Ġw 2:1-12). San Ġwann jinqeda b’dan it-tieġ biex jippreżenta l-ewwel sinjal ta’ Ġesù: “Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih. Wara dan, niżel Kafarnahum, hu, ommu, ħutu u d-dixxipli tiegħu, iżda ma qagħdux hemm għal ħafna żmien”.
Ġużeppi u Marija jilqgħu minn qalbhom, fi spirtu ta’ ubbidjenza ta’ fidi, il-missjoni għolja tagħhom: “Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej u ħa lil martu għandu” (Mt 1:24); “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!” (Lq 1:38). Qdew ir-rwol mitlub lilhom tant li huma tabilħaqq “il-ġenituri ta’ Ġesù”; għalhekk Marija tistqarr: “Ara, Missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” (Lq 2:41.48) In-nies ta’ Nażaret setgħet tabilħaqq tgħid: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?” (Lq 4:22); “Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?” (Mk 6:3). Hu proprju f’dan id-dawl li nistgħu nifhmu l-kelma ta’ Mt 2:11 marbuta mal-maġi li jsibu lit-tifell imfittex minnhom u jqimuh: “Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu marija, inxteħtu fl-art iqimuh”. Id-dar li jidħlu fiha hija fil-fatt id-dar ta’ Ġużeppi, Ġużeppi nnifsu li huwa maħtur bħala missier it-tifel imnissel bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. L-istess nistgħu ngħidu għas-sinjal li l-anġlu jagħti lir-ragħajja f’Lq 2:12 u 16: it-tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura mogħtija bħala sinjal hija fil-fatt it-tarbija nudkrata mill-kura paterna u materna tal-ġenituri, “u sabu lil Marija u ‘l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura”.
Il-Vanġeli tat-Tfulija huma mżewqa bid-dettalji tal-kura tal-ġenituri ta’ Ġesù: San Mattew juri lill-missier, Ġużeppi, kontinwament miftuħ għar-rieda ta’ Alla biex jindokra lit-tfajjel u jħarsu mill-għawġ ta’ Erodi: “Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu bil-lejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, ‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni’…’Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu daek li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel.’ Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu u mar fl-art ta’ Israel. Imma billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nazaret, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeti, ‘Ikun jissejjaħ Nażri’.” (Mt 2:13-23). Fuq livell uman, Ġużeppi, flimkien ma’ Marija, qeda mill-aħjar id-dmir ta’ missier: rabba’ lil Ġesù, għaddielu l-kwalitajiet umani, il-kwalitijaiet tal-irġulija li kellhom jesprimu ruħhom bid-dieher fil-ħajja u fil-ministeru pubbliku ta’ Ġesù. Qeda dmiru bħala l-edukatur ewlieni ta’ ibnu Ġesù, skond it-tradizzjoni tal-ħajja Lhudija, tant li bħala missieru seta’ jissejjaħ ukoll “il-mastrudaxxa bin Marija” (Mk 6:3). San Luqa seta’ jistqarr bla tlaqliq: “U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu…U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (2:40. 52).

Il-Familja Mqaddsa – Bejta ta’ fidi

Ir-rwol ta’ ġenituri u ta’ familja maqgħuda fil-ftuħ lejn Alla fit-talb u fl-ubbidjenza ta’ fidi lejn il-Liġi ta’ Mosè jidher fil-ħajja reliġjuża u l-fidi li direttament u indirettament għaddew lil Ġesù. Fit-tmien jum jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni: “Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċizjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf” (Lq 2:21). Ġużeppi u Marija riedu f’kollox jobdu l-Kelma tal-Liġi fir-rit tal-purifikazzjoni tal-omm (Lev 12:1-8), fir-rit tal-fidwa tal-ewwel wild (Eż 13:13; 34:20; Num 18:15-16) u l-presentazzjoni tat-tarbija, rit li ma kienx obbligat; Marija u Ġużeppi jagħmluh u jixhdu għar-reliġjożità qawwija tagħhom: “Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen’, kif jingħad fil-Liġi tal-Mulej…Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skond il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu” (Lq 2:22-40).
L-istess ħeġġa għall-Liġi tidher fid-drawwa li l-ġenituri ta’ Ġesù jitilgħu b’pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm għal festa tal-Għid: “Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-draww ta’ dik il-festa…” (Lq 2:41-52). Kien f’din l-okkażjoni, meta probabilment Ġesù beda jitqies bħala Lhudi adult, imħejji għal dan il-mument ta’ passaġġ f’ħajtu minn missieru Ġużeppi, li sseħħ il-ġrajja tat-telfien fit-Tempju: “Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semħu baqa’ mistgħaġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: ‘Ibni, dan għaliex għa,iltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!’ U hu qalilhom: ‘U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Matafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?’ Iżda kliemu ma fehmuhx. Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin”.
“Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom” (Lq 2:51). Ġesù kien ġie mrawwem sewwa mill-ġenituri tiegħu, fid-dawl tal-Iskritturi Lhud li tgħallem minngħand Ġużeppi u fl-iskola tas-sinagoga: “Uliedi, isimgħu minni, jien missierkom; agħmlu kif ngħidilkom jien biex issalvaw. Għax il-Mulej għolla l-missier fuq it-tfal, u saħħaħ dritt l-omm fuq l-ulied. Min jibża’ minn missieru jagħmel tajjeb għal dnubietu, u min iweġġaħ lil ommu qed jiġma’ f’teżor. Min jibża’ minn missieru jifraħ b’uliedu, u meta jitlob jinstema’. Min iweġġaħ ‘il missieru jkollu għomor twil, u min iserraħ lil ommu jkun qed jisma’ mill-Mulej. Hu jaqdi l-ġenituri daqskieku sidienu” (Sir 3:1-7). “Weġġaħ lil missierek b’qalbek kollha, u tinsiex uġigħ il-ħlas ta’ ommok. Ftakar li kienu huma li ġibuk fid-dinja; biex se tħallashom għal dawk li tawk?” (Sir 7:27-28).

Il-familja l-ġdida ta’ Ġesù

Ġesù jitbiegħed mir-raħal tiegħu ta’ Nazaret u jmur Kafarnahum biex jintefa’ kollu kemm hu fil-ministeru pubbliku tiegħu (Mk 2:1; 3:19). Xi kultant jidher li l-familja tiegħu ma kenux jaqblu miegħu u mal-imġieba tiegħu: “Imbagħad mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet hekk li anqas biss setgħu jieklu. Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li kien tilef moħħu” (Mk 3:20-21). Ġesù jiskandalizza lil dawk li magħhom kien trabba u kiber: “Telaq minn hemm u mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistgħaġbu u jgħidu: ‘Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?’ U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih. Qalilhom Ġesù: ‘Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess’. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistgħaġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. U mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.” (Mk 6:1-6; ara: Mt 13:56-58; Lq 4:16-30). Ġwanni 7:5 huwa ċar: “Għax anqas ħutu ma emmnu fih”.
Forsi huwa proprju għalhekk li nsibu waħda mir-raġunijiet għaliex Ġesù jitkellem mill-familja ġdida tiegħu: “Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejħulu. Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru. ‘Ara,’ qalulu, ‘ommok u ħutek qeħdin hemm barra u jriduk.’ U hu weġibhom: ‘Min huma ommi u ħuti?’ Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: ‘Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi’” (Mk 3:31-25); “…Imbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu qal: ‘Dawn, ara, huma u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi’” (Mt 12:46-50); “Ġew għalih ommu u ħutu, iżda ma setgħux jersqu lejh minħabba l-folla. XI ħadd qallu: ‘Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk’. Iżda hu weġibhom: ‘Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid hu’” (Lq 8:19-21).
Ġesù, fil-fatt, jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu li jħallu l-familji tagħhom u xogħolhom biex jimxu warajh: “U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh…u huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh” (Mk 1:18.20); “Ejja u imxi warajja” (Mk 10:21). Ġesù jitlob distakk mill-familja biex id-dixxipli jkunu marbuta miegħu u jingħataw biex ikomplu bis-sħiħ il-missjoni tiegħu. Hu f’dan id-dawl li nistgħu nifhmu l-kliem kategoriku ta’ Ġesù, speċjalment fil-Vanġelu ta’ Luqa: “Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: ‘Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.’ U qallu Ġesù: ‘Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.’ Lil wieħed ieħor qallu: ‘Imxi warajja.’ Iżda dak wieġeb: ‘Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri.’ Iżda hu wieġbu: ‘Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla.;’ U l-ieħor ukoll qallu: ‘Jiena niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar.’ Qallu Ġesù: ‘Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla’” (9:57-62); “Kotra kbira ta’ nies kienet miexja miegħu; hu dar lejhom u qalilhom: ‘Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ‘l ommu u lil martu u lil uliedu, ‘ ħutu subjien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi’” (14:25-27; ara: Mt 10: 37-38). Id-dixxepolat kellu jkun okkażjoni li jifred il-familji fil-mument tal-prova: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad…Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; għax mil-lum ‘il quddiem ħamsa minn nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha” (12:49-53).
Il-familja l-ġdida ta’ Ġesù hija kollha kemm hi mseddqa fit-tiftix u fil-għemil tar-rieda ta’ Alla; hija familja imlaqqma fl-eżempju tal-Mulej li jaqdi: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10:42-45).
Ġesù jwiegħed barka fuq il-familja ġdida tiegħu: (Mk 10:29-31).”Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, mahemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix għal mitt darba aktar, djar, aħwa, subjien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej” (Mk 10:29-30).
Ġesù jdaħħal lid-dixxipli tiegħu fil-familja tal-imħabba tat-Trinità Qaddisa, tant li fiH id-dixxipli jsiru ulied adottivi tal-Missier li jindukrahom u li lejH jistgħu jduru bħala Missier l-imħabba: “Meta titolbu, għidu, ‘Missier…’” (Lq 11:2); “Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Lq 11:13); “Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom? … Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna! … Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh” (Mt 6: 25-34).

Minn dak kollu li għidna jidher ċar li r-realtà tal-familja hija magħġuna b’mod kontinwu fil-Vanġeli. Ma nistgħu qatt innaqqsu l-importanza tal-familja għal Ġesù u għal kuntest sħiħ tal-Ġdid Testment.

Posted in .